It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-19-il sena għalaq l-impenji tiegħu fi Grupp 6 ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej fuq nota pożittiva meta għeleb lill-Ġibiltà 3-1.
It-tim Malti ddomina l-andament tal-logħob u meritatament mar fil-vantaġġ fit-42 minuta minn Aiden Friggieri.
Madankollu mal-ftuħ tat-tieni taqsima Coombes kiseb id-draw minn penalty għal Ġibiltà iżda seba minuti wara l-captain Jurgen Degabriele reġa’ poġġa lil Malta fil-vantaġġ.
Erba’ minuti mit-tmiem Matthew Guillaumier – li kien skorja wkoll l-ewwel gowl fit-telfa kbira 7-1 kontra l-Iżvizzera – issiġilla din ir-rebħa meritata bit-tielet gowl.
Fil-logħba l-oħra minn dan il-grupp li ntlagħab f’Dublin fl-Irlanda, il-konfront dirett bejn l-Iżvizzera u l-Irlanda ntemm 1-1 biex it-tnejn spiċċaw b’7 punti u komplew javanzaw.
Fl-ewwel logħba Malta tilfet 1-0 kontra l-Irlanda.
//= $special ?>