Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Muscat jibqa’ jiddefendi lil Helena Dalli u Luciano Busuttil

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jiddefendi lill-Ministru Helena Dalli u lid-Deputat Luciano Busuttil meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja. Dwar il-każ ta’ Helena Dalli, li hu dwar xogħlijiet bla permess fid-dar ta’ żewġha Patrick fil-limiti taż-Żejtun b’inġenji tal-kumpanija tal-kostruzzjoni tiegħu, Muscat irrepeta dak li qed tgħid il-Ministru, jiġifieri li ma taf xejn dwar ix-xogħlijiet f’din id-dar li tinsab fuq konvenju.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Appell irreferiet il-każ ta’ Luciano Busuttil lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja minħabba kunflitt ta’ interess f’sejħa għall-offerti għal servizzi ta’ tindif mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla. Dwar dan il-każ, il-Prim Ministru Muscat qal li hemm ħafna Avukati li jkunu riferuti għall-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Sadanittant, mistoqsi minn Radio 101 dwar kif l-irbit fil-prezz tal-petrol u d-diesel sewa lill-konsumaturi u s-sidien ta’ negozji 24ċ u 30ċ rispettivament għal kull litru, Muscat qal li ma jistax isir tqabbil fil-prezz taż-żejt tal-lum mal-prezz ekwivalenti fl-2010. Sostna li hi aktar importanti l-istabbiltà, anke li kieku l-prezz seta’ kien irħas.