Lokali

Prostituta tammetti li gidmet Pulizija

Arkivji

Tfajla ta’ 20 sena, mill-Imsida li stqarret mal-Pulizija li kienet iddejjqet tipprostitwixxi ruħha għal raġel li kien qed iħaddimha, tressqet il-Qorti u ammettiet quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li ħebbet għall-Pulizija billi gidmet Kuntistabbli mara.

Joanne Agius, irtirat ir-rapport tagħha fil-konfront tal-għarus tagħha li allegatament kien qed iġiegħlha tmur mal-irġiel biex taħdem għalih u skużat ruħha talli attakkat lill-Kuntistabnli mara.

Il-każ kollu beda meta nhar il-Ħadd li għadda, għall-ħabta tal-5.00 p.m. il-Pulizija kienu nfurmati li fi Triq San Albert il-Gżira, kien hemm persuna li kienet għadha kif qalgħet xeba’ mingħand l-għarus tagħha Shemu Bahkret.

Joanne Agius qalet lill-Pulizija li hija kienet xebgħet taqla’ swat mingħand l-għarus tagħha li kien jisfurzaha tipprostitwixxi ruħha għalih ma’ sħabu stess għal prezz ta’ €15 u saħansitra anke għal €10. Dan kollu kienet tagħmlu kontra r-rieda u l-volonta’ tagħha għax kienet tibża’ li jekk tirrifjuta kienet se tissawwat.

Kif il-Pulizija waslu fil-post sabu koppja jargumentaw. Peress li t-tfajla, Joanne Agius hija magħrufa mal-Pulizija, kienet ordnata biex tidħol fil-karozza tal-Pulizija biex b’hekk jiġu separati ż-żewġ persuni.

Agius iżda rrifjutat bil-qawwa kollha u bdiet tirreżisti fejn saħansitra bdiet tagħlaq il-bieba tal-karozza tal-Pulzija bil-Kuntistabbli Rachel Hamd ma setgħetx toħroġ mill-karozza.

Meta rnexxielha, allegatament l-akkużata attakkat lil kuntistabbli u gidmitha f’idha x-xellugija. Kemm Joanne Agius, kif wkoll l-għarus tagħha Bahkret kienu arrestati mill-Pulizija.

It-tfajla ammettiet ukoll li kisret il-paċi pubblika u li saret reċidiva b’sentenzi mogħtija mill-Qrati tal-Maġistrati. Preżenti fl-awla kien hemm omm it-tfajla. Il-Qorti ordnat li d-Direttur tal-Probation jevalwa jekk it-tfajla hijiex tajba biex tagħmel xogħol fil-komunita’.

Sadanittant sakemm tingħata s-sentenza, Agius ingħatat il-liberta’ proviżorja fuq garanzija personali ta’ €3,500.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana filwaqt li għaliha deher l-Avukat tal-għajnuna legali Joseph Mizzi.