Internazzjonali

Tħassib min-NATO dwar iż-żieda fil-militar Russu fl-Ukrajna

Il-Kap tan-NATO Jens Stoltenberg saħaq li r-Russja qed iżżid il-militar tagħha bis-serjetà fl-Ukrajna u mal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.

Minbarra l-preżenza ta’ mijiet ta’ truppi, ir-Russi daħħlu fit-territorju Ukren ħafna apparat sofistikat, inkluż sistemi għad-difiża tal-ajru.

Dawn is-sistemi huma ta’ tħassib partikulari għan-NATO wara t-twaqqigħ ta’ ajruplan tal-Malaysian Airlines fil-Lvant tal-Ukrajna f’Lulju, li gvernijiet tal-Punent qed jallegaw li sar minn separatisti favur l-unjoni mar-Russja.

Ir-Russja qed tiċħad li qed tipprovdi l-armi u t-truppi sabiex tappoġġja lir-ribelljoni separatista favur ir-Russi fil-Lvant tal-Ukrajna. Dan beda wara t-tneħħija ta’ president li jxaqleb lejn il-politika Russa, permezz ta’ protesti kbar fi Frar. Ftehim għal waqfien mill-ġlied kien maqbul fil-bidu ta’ Settembru, iżda l-ġlied reġa’ kompla dan l-aħħar.