Lokali

Tkompli l-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Erin Tanti – Ix-xena ta’ dakinhar fuq 3D

Lisa Marie Zahra waqgħet minn għoli ta’ 32 metru, u nstabet mejta 42 metru l-bogħod minn Erin Tanti. Dan ħareġ mix-xhieda tal-kriminologu Saviour Formosa fejn għall-ewwel darba fil-Qorti kien ippreżentat mudell xjentifiku li jinħadem fuq formula diġitali 3D.

Formosa qal li huwa studja ż-żona ta’ l-irdumijiet fejn seħħ il-każ. Huwa qal li mar darbtejn fiżikament fuq il-post biex jaħdem il-formula ta’ dan l-istudju. Qal li fil-post mhemmx aċċess għal mobile u lanqas apparat ieħor, għalhekk huwa kellu jniżżel apparat speċjali miegħu biex ikun jista’ jaħdem din il-formula.

Formosa kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Erin Tanti ta’ 23 sena. Huwa akkużat fost oħrajn bil-qtil ta’ Lisa Marie Zahra, l-istudenta tiegħu tad-drama, u li għenha tikkommetti suwiċidju. Zahra kienet instabet mejta taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fid-19 ta’ Marzu li għadda.

Saviour Formosa qal ukoll li kien inħatar bħala espert fl-inkjesta li saret fuq il-każ fejn studja ż-żona ta’ fejn instabu l-akkużat u l-vittma. Dwar il-formula xjentifika li tintuża, x-xhud qal li din tinħadem fuq diversi binarji bħal distanzi, qbiż minn fuq l-irdum, l-kejl, ir-riħ, it-toqol u l-għoli.

Xehdu wkoll Glenn Zarb u Brandon Cutajar li kienu fil-post dak inhar tal-inċident fejn qalu li flimkien ma’oħrajn kienu marru biex jagħmlu barbeque għall-ħabta tal-10.00 a.m. Meta beda jsir il-ħin u kienu sejrin wara li lestew bdew jisimgħu lil xi ħadd jgħajjat “hej” jew “help”. Mill-bogħod huma raw persuna li kien mimdud fuq blata kbira bil-ħaxix. Huma kienu bejn 80 u 100 metru bogħod minn din il-persuna u ma setgħux jinżlu ħdejh għax l-aċċess ma kienx wieħed faċli. Qalu li din il-persuna bdiet titlob ukoll għall-ilma.

Huma qalu li ċemplu għal għajnuna u ftit tal-ħin wara waslet l-ambulanza u helicopter.

Sadanittant Erin Tanti qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ l-istess tfajla meta din kienet taħt l-eta’ u li meta huwa abbuża minnha kellu pożizzjoni ta’ fiduċja jew ta’ awtorita’. Qed jiġi mixli wkoll kellu fil-pusses tiegħu materjal indeċenti meta kellu il-kontroll jew il-kustodja ta’ tfajla taħt l-eta’. Akkuza oħra tgħid li huwa kellu l-materjal indiċenti, meta f’idejh kellu r-responsabbilita’ li jeduka u jikkura l-istess tfajla.

Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Michael Scirha u Lucio Sciriha Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Josric Mifsud filwaqt li l-Avukati Joseph Giglio, Gianella Demarco u Stephen Tonna Lowell qegħdin jidhru bħala parti ċivili f’isem il-familjari tal-vittma. Il-każ ikompli fid-19 ta’ Diċembru fl-10.30 a.m.