Internazzjonali

Truppi Iraqini jilħqu raffinerija taż-żejt li kienet assedjata mill-ISIS

Uffiċjali Iraqini qalu li l-forzi tas-sigurta’ tagħhom laħqu r-raffinerija taż-żejt Baiji wara li rnexxielhom jeliminaw lill-ġellieda tal-ISIS miz-zona.

Il-Ġeneral Abdul Wahab al-Saadi stqarr li dan jista’ jkun “kruċjali fil-ħelsien ta’ kull reġjun fl-Iraq”.

Ir-raffinerija, l-akbar waħda fl-Iraq, kienet assedjata mill-ISIS għal ħames xhur.

L-ISIS ħataf meded kbar tal-Iraq kważi bla ebda oppożizzjoni fl-avvanz li kien sar f’Ġunju u kien ilu l-mira ta’ azzjonijiet militari mill-ajru mmexxija mill-Istati Uniti minn Awwissu.

Il-Kurunell tal-Pulizija Saleh Jaber, mill-forza ta’ protezzjoni fir-raffinerija Baiji, qal li “forza Iraqina kontra t-terroriżmu” imsejħa l-Battaljun Mosul, daħlet fir-raffinerija llum.

Il-ġellieda tal-ISIS kienu assedjaw ir-raffinerija Baiji f’Ġunju wara li ħadu l-kontroll ta’ Baiji li hi belt fil-qrib, f’avvanz kbir fit-Tramuntana tal-Iraq.