92 persuna fil-lista ta’ stennija biex jaraw psikologu fil-Mental Health Community Services
In-numru ta’ studenti riferuti lil psikologi fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi minħabba socio-emotional u, jew, behavioural difficulties, u li qegħdin fil-lista ta’ stennija, hu ta’ 260.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li staqsa lill-Ministru Evarist Bartolo jgħid kemm hemm persuni fil-lista ta’ stennija biex jaraw clinical psychologist.
Mitlub jgħid kemm hu ż-żmien ta’ stennija biex dawn l-istudenti jingħataw appuntament u jibdew bl-interventi meħtieġa, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li ż-żmien ta’ stennija jiddependi fuq in-natura u l-urġenża tal-każ, kif ukoll fuq in-numru ta’ studenti fil-lista ta’ stennija.
Fit-tweġiba li ta, il-Ministru Bartolo qal li bħalissa beda eżerċizzju biex jiġu indirizzati l-waiting lists.
Għal mistoqsija oħra fil-Parlament tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said lill-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi, jirriżulta li hemm 92 persuna fil-lista ta’ stennija biex jaraw psikologu fil-Mental Health Community Services.
Fiċ-Child Guidance Clinic, il-lista ta’ stennija hija maqsuma skont l-urġenza tal-każ. Hemm 151 każ mhux urġenti, u 45 każ urġenti.
Fil-każ tal-adulti, iż-żmien ta’ stennija biex min ikun riferut jara psikologu f’dawn il-units jingħata l-appuntament u jibda l-intervent psikoloġiku meħtieġ, ivarja bejn ġimagħtejn għal sitt xhur, skont il-lokalità tal-Mental Health Clinic.
Fil-każ tat-tfal, iż-żmien ta’ stennija jvarja skont l-urġenza tal-każ, bejn sitt xhur sa sena u nofs. Każijiet urġenti ħafna jiġu kkonsidrati skont il-mertu tal-każ.
//= $special ?>