Lokali Parlament

Żidiet qawwija fil-ħlasijiet għall-eżamijiet tal-istudenti

Ma jinkludihomx fil-baġit iżda jiġu kkonfermati fl-istess ġurnata tal-Baġit f’mistoqsija parlamentari

Iż-żidiet fil-ħlasijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC li jersqu għalihom eluf ta’ studenti, kienu qawwija u huma ta’ piż qawwi fuq il-ġenituri, kif kienet qawwija wkoll iż-żieda fil-ħlasijiet għar-reġistrazzjoni tal-eżamijiet li jersqu għalihom l-istudenti biex jakkwistaw iċ-ċertifikati u l-kwalifiċi biex ikomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom.

Iż-żidiet tant kienu qawwija li għal ċertu eżamijiet iż-żieda kienet ta’ 186% aktar. Eżamijiet għal suġġetti oħrajn iż-żieda kienet ta’ 50% waqt li kien introdott ħlas ġdid. Quddiem dawn il-miżati goffi, fil-Baġit, l-istudenti se jkunu qed jieħdu biss 2ċ aktar.

L-ammonti b’kemm żdiedu l-ħlasijiet għall-eżamijiet kienu kkonfermati fl-istess jum li fih il-Gvern tal-Prim Ministru Muscat ħabbar u qara l-Baġit għas-sena d-dieħla, iżda li ma nkludihomx fid-diskors tal-baġit u kien introduċihom aktar kmieni.
L-informazzjoni u ż-żidiet fil-ħlasijiet tal-eżamijiet kienu kkonfermati fil-Parlament mill-Ministru Evarist Bartolo, responsabbli mill-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Mill-informazzjoni li ta għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, jirriżulta li l-ħlas ta’ reġistrazzjoni żdied bi €3.35 – minn €11.65 għal €15 (żieda ta’ 28.7%).
Is-suġġetti tas-SECE għolew b’€7.02, minn €13.98 għal €21 (żieda ta’ 50.2%); l-eżamijiet tal-Intermediate għolew b’€6.37 minn €18.63 għal €25 (żieda ta’ 34.2%); u tal-Matsec (livell avvanzat) b’€7.04 minn €20.96 għal €28 (żieda ta’ 33.6%.
Minbarra dawn iż-żidiet, iddaħħal ukoll ħlas għall-prattiku tas-SECE ta’ €10; filwaqt li l-prattiku tal-Intermediate u tal-MATSEC (Livell Avvanzat) minn €6.99 sar jiswa €20 (żieda ta’ 186.1%)

Mitlub mid-Deputat Nazzjonalista jgħid kemm applikaw kandidati biex jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC u kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull suġġett fit-tliet livelli, jiġifieri dak ordinarju, intermedju u avvanzat, il-Ministru Bartolo qal li d-Dipartiment tal-Eżamijiet għadu jaċċetta applikazzjonijiet u mill-bieraħ beda jirċievi applikazzjonijiet ta’ dawk li japplikaw tard.