Kif żvela MaltaRightNow.com aktar kmieni llum, tressaq quddiem il-Qorti d-Direttur Maniġerjali ta’ Leisure Clothing Bin Han, flimkien mal-Marketing Director Liu Jia. Bin Han kien arrestat fid-29 ta’ Ottubru li għadda wara li stejjer żvelati mill-gazzetta Il-Mument u l-ġurnal In-Nazzjon urew li ħaddiema Asjatiċi allegatament qed jinġiebu Malta u jispiċċaw sfruttati fil-kumpanija Ċiniża.
Bin Han, ta’ 46 sena u residenti San Ġwann, u Liu Jia, ta’ 32 sena u residenti Birżebbugia, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi li ttraffikaw umani għal skop ta’ xogħol, li rċievew ħlasijiet minn fuq ħaddiema permezz ta’ theddid, li dawwru profitt illeċtu minn fuq ħaddieħor, li bħala Diretturi naqsu milli jħallsu paga diċenti u li ma ħallsux ħlasijiet skont il-Liġi. Huma nżammu taħt arrest preventiv wara li t-talba għal-libertà proviżorja kienet miċħuda.
Iż-żewġ Ċiniżi tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, bil-Prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha fuq li m’għandhomx rabtiet ma’ Malta. Min-naħa l-oħra, id-Difiża qalet li Bin Han għandu ċ-Ċittadinanza Maltija. Il-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja minħabba l-gravità tal-każ u għax jistgħu jaħarbu minn Malta.
Filfatt, investigazzjoni li saret fid-djar tal-akkużati wasslet biex instabu bagalji lesti, allegatament biex dawn jaħarbu minn pajjiżna minħabba l-istorja żvelata fl-aħħar ġimgħat.
Il-Prosekuzzjoni talbet l-iffriżar tal-assi tal-akkużati minħabba li l-assi tagħhom ġew minn attività kriminali. Talbet ukoll biex ikollhom rapport u inventarju tal-assi ta’ Bin Han, bil-Qorti taċċetta li jsir l-inventarju fuq l-assi tal-akkużati.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Daniel Theuma u l-Ispetturi Silvana Briffa u Joseph Busutil. Preżenti wkoll fl-Awla kien hemm Elizabeth Borg mid-Dipartiment tax-Xoghħol. Deher għaċ-Ċiniżi l-Avukat Pio Valletta.
//= $special ?>