Anzjana ta’ 81 sena għarfet żagħżugħ, li kien wieħed minn tlieta li daħlu fir-residenza tagħha f’Ħal Qormi biex jisirquha. Għarfitu meta l-Pulizija wrewha numru ta’ ritratti u hi nsistiet li dan kien liebes beritta, filwaqt li t-tnejn l-oħrajn li daħlu biex jisirquha kellhom wiċċhom mgħammad. L-anzjana Dolores Debono qalet li liż-żagħżugħ ma tafux, iżda kienet ċerta li kien hu li daħal jisraqha nhar is-27 ta’ Ġunju 2006 għall-ħabta tat-3.30pm. Fil-fatt, meta ġiet muriha r-ritratti, qalet li kienet konvinta u li dan ikkonfermatu wkoll meta saru żewġ identification parades. Dakinhar, hi qalet ukoll li kien hu li żammha u kaxkarha kontra l-volontà tagħha.
Dan kollu ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Daniel Zammit fil-ġuri ta’ żagħżugħ ta’ 17-il sena minn Ħal Qormi, li qed jiġi akkużat quddiem l-Imħallef Michael Mallia bl-attentat ta’ serq mir-residenza ta’ Debono, li kkaġunalha feriti gravi u oħrajn ħfief, kif ukoll li żamma kontra l-volontà tagħha. L-Ispettur Zammit qal li Debono kienet qalet lill-Pulizija li l-irġiel kienu daħlu bil-forza fid-dar tagħha, fejn filwaqt li wieħed żammha, it-tnejn l-oħrajn bdew iqallbu fid-dar. Ix-xhud qal li għall-ewwel, Debono kienet iċċertifikata li sofriet feriti ħfief, iżda wara li lmentat minn uġigħ kbir f’saqajha, sar magħruf li sofriet minn ksur li setgħu jħallu diżabbiltà permanenti.
L-Avukat Leslie Cuschieri, li qed jidher għall-akkużat, talab biex jekk għadu jeżisti jingħata r-ritratt, li bih l-anzjana għarfet lill-klijent tiegħu u li kien hu li daħal fir-residenza tagħha. Din it-talba kienet miċħuda mill-Qorti għax ir-ritratt ma kienx fl-atti tal-kumpilazzjoni. Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Zammit qal li kienu nterrogati numru ta’ persuni dwar il-każ, fosthom l-akkużat, iżda dawn kienu rilaxxati u ma kienet imposta l-ebda akkuża kontrihom. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-anzjana, li llum għandha 89 sena, mhix se tixhed minħabba l-età u l-istat ta’ saħħa tagħha.
Iż-żagħżugħ qed jiffaċja tliet Kapi ta’ Akkuża u jekk jinstab ħati, jista’ jiġi kkundannat minimu ta’ disa’ xhur priġunerija u massimu ta’ disa’ snin talli kkawża l-feriti li jwasslu għal diżabbiltà permanenti. Madankollu, l-aktar akkuża serja hi dik ta’ attenatat ta’ serq bi vjolenza, li minnha jista’ jiġi kkundannat minimu ta’ erba’ snin u massimu ta’ 12-il sena priġunerija.
Matul il-ġuri, il-Prosekuzzjoni mistennija tressaq 13-il xhud, filwaqt li d-Difiża mistennija tressaq tliet xhieda. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Giannella Busuttil u Nadia Attard, f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Leslie Cuschieri. Il-każ kien mistħarreġ min-naħa tal-Pulizija mis-Supretendent Carmelo Bartolo u l-Ispettur Daniel Zammit.
//= $special ?>