Ekonomija Lokali

Attitudni differenti minn Muscat illum minkejja li l-prezzijiet taż-żejt huma l-istess bħall-2010

Fl-2010, il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat kien niżżel lin-nies fit-toroq għax kien qal li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel huma għoljin wisq u ta’ piż fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Fil-protesti, dakinhar il-Partit Laburista kien akkumpanjat mill-General Workers Union, fosthom anke bi propaganda kbira mill-gazzetti tal-Union.

Fl-2010, il-prezzijiet kienu jinbidlu kull xahar u Gvern Nazzjonalista kien jadottahom skont il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, li kienu jvarjaw regolarment … minn ġurnata għall-oħra.

Erba’ snin wara, il-Partit Laburista jinsab fil-Gvern, Joseph Muscat hu Prim Ministru u l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt jinsabu eżatt bħalma kienu fl-2010. Madankollu, illum l-istess Joseph Muscat qed jiġġustifika l-hedging li l-Gvern tiegħu għamel fix-xiri taż-żejt, tant li żamm il-prezzijiet tal-fuels f’pajjiżna ħafna ogħla milli kienu erba’ snin ilu.

Hekk kif il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt illum jinsabu fl-istess livell ta’ erba’ snin ilu, wieħed jistenna li anke l-prezzijiet tal-fuel jinżlu għall-istess livelli. Iżda biex jagħmel dan, il-prezz tal-petrol suppost jinżel b’24ċ, filwaqt li l-prezz tad-diesel jinżel bi 30ċ biex jirriflettu l-prezzijiet ta’ dakinhar.

Madankollu, fil-Baġit 2015, il-Gvern Laburista ħabbar li l-unika roħs se jkun ta’ 2ċ biss għall-petrol u 1ċ biss għad-diesel. Barra minhekk, il-Gvern Laburista ilu għal dawn l-aħħar xhur iżomm il-prezzijiet tal-fuel fl-ogħla livell, anke skont statistika ppubblikata mill-Uffiċċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat).

Anke f’dan il-każ, il-Gvern baqa’ jżomm il-prezzijiet tal-fuels għoljin, qabel ma jorħsu b’2ċ u 1ċ biss mill-bidu tas-sena l-ġdida, minkejja fost l-orħos prezzijiet internazzjonali taż-żejt.