Il-bdiewa għadhom jistennew il-wegħda ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall-agrikoltura
Il-bdiewa mhux se jingħataw kumpens jew xi forma ta’ għajnuna oħra għall-ħsarat li sofrew bdiewa fil-maltempata ta’ aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ġimgħa 7 ta’ Novembru, meta l-gżejjer Maltin intlaqtu minn maltemp u rjiħat qawwija tant li kellu jingħalaq l-Ajruport Internazzjonali ta’ Maltla.
F’dik il-maltempata, tqaċċtu numru kbir ta’ siġar kbar fit-toroq u saret ħsara kbira lis-settur agrikolu b’diversi bdiewa jsofru minn tkissir ta’ strutturi u ħitan imġarrfa minbarra ħsarat oħra fil-prodotti agrikoli.
Id-deċiżjoni tal-Gvern li ma tingħatax għajnuna għall-ħsarat li sofra s-settur tal-biedja kawża ta’ dik il-maltempata, kienet konfermata fi tweġiba li ta fil-Parlament il-Ministru Leo Brincat.
Fid-dawl ta’ għajnuniet li kienu jingħataw il-bdiewa f’każi ta’ maltempati simili għal dik tas-7 ta’ Novembru, li maltempata simili seħħet ftit tas-snin ilu, id-Deputat Nazzjonalista Anotine Borg staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, jgħid kellux rapporti ta’ ħsarat minn bdiewa, u jekk iva, kemm kienu r-rapporti mil-lokalitajiet tar-Rabat (Malta), l-Imġarr, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, l-Imtarfa u l-Imdina.
Il-Ministru Brincat ma qalx jekk kienx hemm jew sarux rapporti lill-Ministeru tiegħu, u qal li mhux il-każ li jsiru jew li jintlaqgħu rapporti fuq ħsarat ikkaġunati mill-maltemp għaliex il-prassi dejjem kienet li t-tali ħsarat, s’issa, mhumiex koperti taħt xi skema ta’ kumpens.
Qal ukoll li kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern, hemm il-ħsieb li tkun imnedija skema ta’ assigurazzjoni għall-agrikoltura, u li din il-materja qegħda nkluża fl-abbozz tal-programm għall-iżvilupp rurali tal-Gvern li qed ikun diskuss mal-Kummissjoni Ewropea.
Għal mistoqsija oħra tad-Deputat Nazzjonalista relatata mas-settur agrikolu, il-Ministru Brincat qal li l-Fondi Ewropej li kienu allokati din is-sena għall-bdiewa u r-raħħala, kienu mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija li minnu ngħataw aktar minn €7 miljun, u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li minnu gawdew aktar minn €5.2 miljun.
B’dawn il-fondi Ewropew, tħallsu bdiewa u raħħala minn 68 lokalità.
//= $special ?>