Anzjana ta’ 81 sena għarfet żagħżugħ li kien wieħed minn tlieta li daħlu fir-residenza tagħha f’Ħal-Qormi biex jisirquha. Hija għarfitu meta l-Pulizija wrewha numru ta’ ritratti u hi nsistiet li dan kien liebes beritta filwaqt li t-tnejn l-oħra li daħlu biex jisiruqha kellhom wiċċhom mgħammad.
Dolores Debono qalet li hi ma tafx liż-żagħżugħ iżda kienet ċerta li kien hu daħal li jisraqha f’Ġunju tal-2006. Fil-fatt meta ġiet muriha r-ritratti, qalet li kienet konvinta u li dan ikkonfermatu wkoll meta saru żewġ “identification parades” fejn qalet ukoll li kien hu li żammha u kaxkarha kontra l-volonta’ tagħha.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Daniel Zammit fil-ġuri li fih iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena minn Ħal-Qormi qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ serq mir-residenza ta’ Dolores Debono, li ikkaġunalha ġrieħi gravi u ħfief, u li żammha kontra l-volonta’ tagħha.
Fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Michael Mallia, li fil-preżent qed iservi fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi u li dak iż-żmien kien jagħmel parti mit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Kriminali.
Huwa qal li Debono kienet qalet lill-Pulizija li tliet irġiel kienu daħlu bil-forza fid-dar tagħha għall-ħabta tat-3.30 p.m. tas-27 ta’ Ġunju, ta’ tmien snin ilu, fejn filwaqt li wieħed żamma, t-tnejn l-oħra bdew iqallbu fid-dar. Wieħed mill-ħallelin mhux biss żammha u kkaġunalha ġrieħi ħfief f’diversi partijiet ta’ ġisimha, imma anke kaxkarha u kkaġunalha ġrieħi serji fis-swaba ta’ saqajha. Ix-xhud qal li Debono kienet inizzjalment ċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief sakemm ma jkunx hemm komplikazzjonijiet u dan wara li kienet invistata fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi.
Wara, iżda, hija lmentat minn uġiegħ kbir f’saqajha, u kien skopert li kellha fratturi gravi, u li setgħu jħallu diżabilita’ permanenti. L-Avukat Leslie Cuschieri li qed jidher għall-akkużat talab għar-ritratt, jekk għadu jesżisti, fejn l-anzjana għarfet lill-klijent tiegħu, li kien hu li daħal fir-residenza tagħha. Din it-talba kienet miċħuda mill-Qorti u dan għax ir-ritratt ma kienx fl-atti tal-kumpilazzjoni.
L-Ispettur Zammit qal li numru ta’ persuni kienu interrogati dwar il-każ, inkluż l-akkużat, iżda dawn kienu rilaxxati u ma kienet imposta l-ebda akkuża fuqhom. Sadanittant kien żvelat mill-Prosekuzzjoni li l-anzjana mhijiex se tixhed minħabba l-eta, fejn illum għandha 89 sena, u l-istat ta’ saħħa tagħha. L-akkużat li qed jiffaċċa tliet Kapi ta’ akkuża, jista’ jiġi kundannat, jekk jinstab ħati minimu ta’ disa’ xhur ħabs u massimu ta’ disa’ snin fuq ġrieħi li jwasslu għal diżabilita’ permanenti.
Madankollu l-aktar akkuża serja hija dik ta’ attenatat ta’ serq bi vjolenza, fejn dan jista’ jiġi kundannat minimu ta’ erba’ snin u massimu ta’ 12-il sena. Iż-żagħażugħ minn Ħal-Qormi qed jiġi akkużat b’attentat ta’ serq u swat fuq mara anzjana ta’ 81 sena, bil-vittma tispiċċa bi ġrieħi gravi, l-aktar f’wiċċha, u li anke weġġħet subajha ta’ saqajha.
Fil-ġuri għandhom jixhdu minn naħa tal-Prosekuzzjoni 13-il persuna filwaqt li tliet persuni oħra mistennija jixhdu minn naħa tad-difiża. It-tliet Kapi ta’ akkuża jikkonsistu f’attentat ta’ serq bi vjolenza, li kkaġuna lill-anzjana ġrieħi gravi u permanenti u li żammha u ssekwestraha kontra l-volonta’ tagħha u li kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Giannella Busuttil u Nadia Attard f’isem l-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat se jidher l-Avukat Leslie Cuschieri. Il-każ minn naħa tal-Pulizija kien mistħarreġ mis-Supretendent Carmelo Bartolo u l-Ispettur Daniel Zammit.
//= $special ?>

