Quddiem l-Imħallef Michael Mallia, żagħżugħ minn Ħal-Qormi mistenni jibda għaddej ġuri l-Erbgħa filgħodu akkużat b’attentat ta’ serq u swat fuq mara anzjana ta’ 81 sena. Il-każ kien seħħ fl-2006 meta l-akkużat kien għad kellu 17-il sena.
Iż-żagħżugħ, li llum għandu 25 sena, qed jiġi akkużat li daħal fir-residenza ta’ Dolores Debono, u wara li pprova jisrqaha, flimkien ma’ żewġ persuni oħra kkommetta vjolenza fuqha, bl-anzjana tispiċċa bi ġrieħi gravi, fosthom f’wiċċha, u li anke weġgħet subajha ta’ saqajha, wara li kienet imkaxxkra.
Mill-provi li ħarġu fil-kumpilazzjoni l-mara għarfet lill-akkużat iżda mhux lit-tnejn l-oħra. Iż-żagħżugħ Qormi qed iwieġeb mhux ħati tat-Tliet Kapi tal-akkuża li bihom huma mixli. Il-każ kien seħħ fis-27 ta’ Ġunju għall-ħabta tat-3.15 p.m.
Fil-ġuri mistennija jixhdu minn naħa tal-Prosekuzzjoni 13-il persuna filwaqt li tliet persuni oħra mistennija jixhdu minn naħa tad-difiża. Dolores Debono, għadha ħajja u llum għandha 89 sena, u kollox jindika pero’ li mhux se tixhed fil-ġuri.
It-tliet Kapi ta’ akkuża jikkonsistu f’attentat ta’ serq bi vjolenza, li kkaġuna lill-anzjana ġrieħi gravi u permanenti u li żammha u ssekwestraha kontra l-volonta’ tagħha u li kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Avukati Giannella Busuttil u Nadia Attard f’isem l-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat se jidher l-Avukat Leslie Cuschieri. Il-każ minn naħa tal-Pulizija kien mistħarreġ mis-Supretendent Carmelo Bartolo u l-Ispettur Daniel Zammit.
//= $special ?>