Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Il-Baġit 2015 hu soċjalment inġust – il-PN

Dan hu Baġit soċjalment inġust li qed jieħu lura mingħand il-poplu l-inizjattivi li hu stess daħħal. Dan sostnewh il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Cyde Puli, Kristy Debono u Toni Bezzina f’konferenza tal-aħbarijiet li għamlu b’reazzjoni għall-Baġit.

Clyde Puli tkellem dwar l-aspett soċjali u qal li, minkejja l-wegħda li jelimina l-faqar fi żmien ħames snin, issa fil-Baġit il-Gvern qal li se jkun qed jipprova jwettaq din il-wegħda fi żmien 10 snin. Fl-aħħar sena ta’ Gvern Laburista, il-persuni kkunsidrati f’riskju ta’ faqar telgħu minn 88,000 għal 98,000.

Id-Deputat Nazzjonalista sostna li dak li l-Gvern ta lill-familji Maltin b’diversi miżuri, ħadu lura b’miżuri oħrajn negattivi li se jġibu piżijiet fuq il-familji. Dwar l-għoli tal-ħajja, qal li din kompliet togħla tul is-sena kollha u dan il-Baġit se jkompli jgħolliha. Lill-ħaddiema, il-Gvern tahom 58ċ fil-ġimgħa, iżda fil-fatt se jkun qed jieħdilhom €170 fis-sena.

Dwar l-anzjani, id-Deputat Nazzjonalista qal li dawn qed jibqgħu effetwati fil-ħażin, anke minħabba li l-problemi tal-medicini out-of-stock kompliet tippersisti. Lill-istudenti, dan il-Gvern tahom 2ċ kuljum, iżda għollielhom il-miżati tal-MATSEC.

Min-naħa tagħha, id-Deputat Kristy Debono kkritikat lill-Gvern għall-mod kif se jerġa’ jdaħħal il-ħlas tal-VAT fuq snajja’ kkunsidrati żgħar u li fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu eżentati. Dawn is-snajja’ huma dawk li d-dħul tagħhom ikun anqas minn €7,000 u li issa b’dawn il-miżuri ġodda se jkollhom jidħlu fi spejjeż amministrattivi u ħlasijiet żejda li taħt Gvern Nazzjonalista ma kienux implimentati.

Kristy Debono qalet li dan se jfisser ukoll aktar burokrazija u aktar infurzar, filwaqt li se joħloq aktar xogħol amministrattiv fid-Dipartiment tal-VAT.

Id-Deputat Toni Bezzina tkellem dwar it-Trasport u qal li l-Gvern mhu joffri ebda soluzzjonijiet għal dan is-settur, ħlief li għolla l-liċenzji bi 15% u żied il-poloz tal-assigurazzjoni bi €13. Sostna li fl-aħħar xhur, naqas l-ippjanar fit-toroq, tant li l-konġestjonijiet tat-traffiku żdiedu bil-kbir bil-konswegenza li x-xufiera qed jaħlu aktar petrol u diesel. Dan meta l-prezz ta’ dawn il-prodotti hu l-ogħla fl-Ewrwopa.