Fil-Baġit ippreżentat għall-2015 mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, se tidħol fis-seħħ dak li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu mill-Kelliem tal-Gvern Karmenu Abela, jiġifieri żieda miżera ta’ 58ċ fil-ġimgħa (€30.16 fis-sena) għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin u żieda ta’ 2ċ kuljum għall-istudenti. Din kienet l-anqas żieda li qatt ingħataw fiż-żminijiet riċenti.
Fi stqarrija, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) staqsa fejn huma l-miżuri favur il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fis-settur privat, favur dawk l-istudenti li se jkunu qed jiggradwaw mill-MCAST, l-Università u l-ITS. Staqsa liema huma n-niċeċ il-ġodda li l-Gvern se jinkoraġixxi jiftħu f’pajjiżna. Liema huma l-inċentivi għall-ħaddiema li jixtiequ jistudjaw biex itejbu il-karriera tagħhom, staqsa l-SĦPN.
SĦPN saħaq li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja li ta l-Gvern ma tiswa xejn meta l-ħaddiema se jkunu qed jiżdidulhom taxxi indiretti fi ħlasijiet fil-liċenzji tal-karozzi, żidiet fil-bolla fuq l-assigurazzjoni u tibdil fit-taxxi fuq bejgħ ta’ propjetà. Dawn minbarra ż-żidiet fenomenali li tħabbru ftit ġranet ilu fil-ħlasijiet għall-eżamijiet u fl-għoli tal-kirjiet tas-social housing. Dawn il-Gvern ma ħassx li għandu jħalliha għall-ġurnata tal-Baġit.
SĦPN fakkar fiż-żidiet f’taxxa indiretta fis-sisa fuq numru ta’ prodotti u fuq il-linja tat-telefon ċellulari. Ffakkar ukoll li l-prezz tal-petrol u d-diesel baqgħu għoljin meta kulħadd jaf li l-prezz taż-żejt hu fl-anqas livelli tiegħu għal dawn l-aħħar snin. Dan apparti ż-żieda ta’ 90ċ fil-gass marbuta sa April 2015, meta fuq skala internazzjonali l-prezz tal-gass qed jonqos ukoll. Innota wkoll it-tnaqqis fuq it-taxxa tad-dħul minn 29% għal 25%, kif kien ippjanat fil-Baġit ippreżentat mill-Gvern Nazzjonalista f’Novembru 2012.
Filwaqt li awguraw li dak kollu mwiegħed fil-Baġit 2015 jitwettaq u mhux jibqa’ kliem sabiħ fuq il-karta, kif kien ġara minn ħafna propopsti fil-Baġit 2014, l-SĦPN qal li l-Gvern ma ndirizzax il-problema ta’ żieda fenomenali ta’ ħaddiema ġodda mas-settur pubbliku, li kulma jmur qed iżidu l-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Dan il-Baġit naqas ukoll milli jindirizza lil dawk il-ħaddiema fis-settur privat li għandhom l-impjieg tagħhom mhedded. Ma ndirizzax lanqas ix-xogħol prekarju li l-PL tant tkellem dwaru ftit tax-xhur ilu biss.
Għaldaqstant, filwaqt li dan reġa’ kien eżerċizzju twil esaġerat ta’ relazzjonijiet pubbliċi għall-Gvern biex jipprova jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu, finalment il-ħaddiema u l-istudenti Maltin u Għawdxin se jindunaw li għalihom kien hemm biss il-frak, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>