Lokali Qorti

Il-gazzetta Laburista tinstab ħatja ta’ malafama kontra Richard Cachia Caruana

Il-gazzetta tal-Partit Laburista reġgħet instabet ħatja mill-Qorti dwar malafama. Dan hekk kif l-eks Editur tal-gazzetta Laburista Felix Agius ġie mmultat €250 wara li nstab ħati li ma qalx fatti veri fi storja dwar l-eks Rappreżentant Permanenti tal-Unjoni Ewropa Richard Cachia Caruana.

Dwar l-istorja dwar allegati proċeduri li saru fuq insistenza ta’ Cachia Caruana, ippubblikata fl-20 ta’ Jannar 2001, il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li hu ċar li din kellha biss l-iskop li tagħmel ħsara lill-eks Rappreżentant Permanenti tal-UE, kif ukoll li ma kienet xejn ħlief nuqqas ta’ ġurnaliżmu serju.

Fl-istorja, il-gazzetta Laburista kienet qalet li l-Pulizija ħadet azzjoni kontra l-Editur ta’ MaltaToday Saviour Balzan u l-artikolista Laburista Sharon Ellul Bonnici wara insistenza ta’ Cachia Caruana. Madankollu, waqt il-proċeduri fil-Qorti, l-Uffiċjali tal-Pulizija stess qalu li ħadd ma kien għamlilhom pressjoni biex jieħdu xi tip ta’ azzjoni.

Sadanittant, il-Qorti kkritikat ukoll lid-Difiża ta’ Felix Agius talli kienet assenti għal diversi seduti, fosthom għax f’29 kawża ma sar xejn, kif ukoll għax Agius lanqas biss xehed jew ġiet ippreżenta l-ebda prova biex ineħħi l-ħtija minn fuqu.