Lokali Parlament

Il-Parlament isellem lil Lino Spiteri

L-Oppożizzjoni ssejjaħ lil Lino Spiteri bħala politiku korrett u eżemplari

Il-Parlament illejla kkommemora u sellem lill-eks-Ministru Laburista Lino Spiteri, li miet nhar il-Ġimgħa fl-età ta’ 76 sena, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħ lil Lino Spiteri bħala bniedem bi lwien sbieħ, bniedem li ppreżenta d-diversità fil-ħajja tiegħu, u li kien avversarju politiku korrett u eżemplari.

Il-Prim Ministru wkoll fisser lil Lino Spiteri bħala wieħed mill-aktar membri eżemplari li qatt kellha din il-Kamra għall-konsistenza li ta fil-ħajja pubblika u fil-Parlament.

Muscat fisser lil Lino Spiteri bħala wieħed minn dawk in-nies importanti fil-familja politika li jmexxi hu, li rnexxielu jżewweġ il-ħsibijiet tad-dinja tan-negozju mal-prinċipji Soċjalisti demokratiċi. Fakkar ukoll fiż-żminijiet diffiċli tal-politika Maltija, meta baqa’ jemmen li dak li hu tajjeb għan-negozju jkun tajjeb ukoll għall-ġid tal-ħaddiema u tas-settur tax-xogħol filwaqt li qatt ma mar kontra l-ħsieb soċjalista demokratiku.

Fuq l-att politiku, jibqa’ msemmi bħala awtur tal-qasam tas-servizzi finanzjari f’pajjiżna u biex ikun hemm kunsens bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra meta beda jitwaqqaf dan is-settur tas-servizzi finanzjarji. Fisser dan il-kunsens bħala għodda importanti għall-iżvilupp li sar fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan hu wkoll qasam storiku fil-Parlament li dwaru l-Kamra dejjem ivvutat favur u mingħajr ħadd kontra.

Bħala wkoll Kap tal-Partit Laburista, Muscat qal li t-tmiem tal-politika ta’ Lino Spiteri ma kienx daqstant feliċi u rrimarrka li kien spiċċa wkoll bil-banda mal-partit tiegħu, iżda baqa’ jżomm ir-rispett lejn l-elettorat. Fisser lil Lino Spiteri wkoll bħala bniedem rispettat minn kulħadd u fakkar fl-okkażjonijiet meta Lino Spiteri kien jagħmel kuntatt miegħu biex jinfurmah li kien se jikkritikah fl-analiżi li kien jikteb u jippubblika fil-ġurnali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li Lino Spiteri jlaqqgħek mal-kelma ‘diversità’, riżultat ta’ rwoli differenti li għex u gawda wkoll minnhom tul ħajtu. Kien politiku wkoll li daħal fil-politika meta kien żagħżugħ.

Simon Busuttil irrefera għall-kontribut li ta u li jibqa’ mfakkar u msemmi għalihom, fosthom bħala opinjonista u ġurnalist politiku li ta kontribut importanti li dejjem qanqlu diskussjoni u li kien segwit minn kulħadd.

Lino Spiteri wkoll tan-novelli u tar-rumanzi b’kontribut siewi fil-letteratura u l-kultura ta’ pajjiżna. Persuna wkoll li d-diżabbiltà tiegħu għamilha inviżibbli għax kisser il-fruntieri li jkollha persuna b’diżabbiltà u gġilidha għaliex ta kontribut fid-diversi oqsma tas-soċjetà.

Lino Spiteri, qal Simon Busuttil, ta wkoll kontribut bħala ekonomista u kien politiku u avversarju korrett li qatt ma niżel f’livelli li wieħed ma jistax jaċċetta.

Lino Spiteri bħala membru parlamentari li għandu wkoll it-timbru tiegħu fil-qasam tas-settur tas-servizzi finanzjarji, u kif rabat ismu wkoll mal-kunċett tal-moralità fiskali. Bħala wkoll Ministru tal-Finanzi ressaq żewġ baġits u għamel ukoll trasformazzjoni politika kbira u għaraf jaddatta minn stat ta’ kontroll ekonomiku mill-istat, għal ekonomija miftuħa u liberali.

Sellem ukoll il-kuraġġ politiku li waslitu għal riżenja mhux għal raġunijiet ta’ skandlu, iżda raġunijiet għal dak li jemmen fih meta kien irriżenja għaliex ma kienx qabel mal-gvern tiegħu stess dwar it-tneħħija tal-VAT, u dwar jekk pajjiżna għandux jissieħeb fl-UE. Kien wasal għall-konklużjoni li jirriżenja għaliex ma qabilx mal-partit tiegħu stess u għażel li jirriżenja flok ma baqa’ miexi kontra qalbu.

Simon Busuttil qal li hu wkoll għandu l-esperjenzi personali tiegħu dwar Lino Spiteri, u fakkar lill-Kamra li minbarra li kien dejjem isegwih mill-qrib, kien kitiblu biex isellimlu wara r-riżenja tiegħu għad-deċiżjoni li kien ħa, b’Lino Spiteri jikteb lura – tweġiba li Simon Busuttil qal li jibqa’ japprezza.

F’isem l-Oppożizzjoni, Simon Busuttil qal ukoll li Lino Spiteri kellu sehem importanti biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u kien għalhekk li l-eks-Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien offra lil Lino Spiteri kariga għolja fil-Qorti Ewropea.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia wkoll ingħaqad mal-ħsibijiet espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u sellem lill-personalità ta’ Lino Spiteri. L-Ispeaker fisser kif hu wkoll sar jaf mill-qrib lil Lino Spiteri fi żminijiet ukoll diffiċli għal Lino Spiteri wara li kien irriżenja u kien jitkellem miegħu wkoll mill-bankijiet tal-Parlament, u dan minkejja li ma kienx jaqbel miegħu f’kollox.

Anġlu Farrugia fakkar l-episodju fil-Kamra meta Lino Spiteri kien sfida lil membri parlamentari responsabbli jagħmlu affidavit (fi kwistjoni li kienet qamet dwar l-istat tal-finanzi tal-pajjiż fiż-żmien qasir tal-gvern tal-Prim Ministru Alfred Sant bejn l-1996 u l-1998).

L-Ispeaker, fil-preżenza wkoll ta’ familjari ta’ Lino Spiteri, irrimarka wkoll li r-rispett u l-kuntatt bejnu u Lino Spiteri baqa’ konsistenti, u kif baqa’ juri interess sal-aħħar fix-xogħol tal-Parlament
.
Biex il-Parlament isellem lil-eksmembru tiegħu, kien ippubblikat ktejjeb ta’ tifkira bl-ewwel u l-aħħar interventi ta’ Lino Spiteri fil-Kamra tad-Deputati.

Lino Spiteri kien deputat bejn l-1962 u l-1966; u bejn l-1981 u l-1998.