Futbol Sport

Inaqqsu l-aspetattiva ta’ plejers ġodda f’Jannar

Mhux probabbli li Manchester United jixtru plejers ġodda ladarba jinfetaħ is-suq tat-trasferimenti, f’Jannar.

Ed Woodward, il-viċi-chairman eżekuttiv tal-klabb Ingliż, tkellem dwar din is-sitwazzjoni u spjega li United m’humiex se jinvestu fi plejers “li jistgħu jsolvu biss il-problemi għal żmien temporanju.”
Madankollu, il-klabb m’hu jeskludi xejn u, filwaqt li immarka l-plejers speċifiċi li jinkwadraw fil-pjani tiegħu għat-tul taż-żmien, jista’ jagħmel offerta xierqa “ladarba tinfetaħ possibbiltà li xi ħadd minn dawn l-akkwisti jsir realtà.”

Dan is-sajf, Manchester United nefqu ftit aktar minn £150 miljuni fuq plejers ġodda wara li ddiżappuntaw bis-sħiħ fl-istaġun li għadda u naqsu milli jikkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej għall-ewwel darba f’aktar minn 20 sena.

L-aktar plejer li swielhom flus hu Angel Di Maria li nxtara mingħand Real Madrid għal somma rekord ta’ €59.7, b’dan il-plejer m’hux qed juri l-konsistenza li seta’ xtaq minkejja bidu tal-istaġun brillanti.
Minbarra Di Maria, United xtraw ukoll lil Ander Herrera (£28 miljun), Luke Shaw (£27 miljun), Marcos Rojo (£16 miljun) u Daley Blind (£13.8 miljun). Intant, il-klabb ħallas £6 miljuni għas-servizzi tal-attakkant Radamel Falcao li ngħaqad magħhom b’self, iżda dan il-plejer qed ibati l-effetti konsistenti ta’ injury fit-tul.

Il-klabb anki għaddej minn żmien sfortunat, b’ħafna plejers jinsabu indisposti minħabba sensiela ta’ injuries – bl-aktar disfatti riċenti jmissu lill-gowlkiper, David de Gea, u Daley Blind li weġġa’ mal-Olanda u jista’ jdum nieqes għal xahrejn.

Fil-preżent, Man Utd huma s-seba’ post – l-istess fejn spiċċaw taħt l-eks-manager David Moyes, fl-istaġun li għadda.

Il-klabb hu determinat li almenu, jiksbu post mal-ewwel erbgħa li jiggarantilhom post fil-preliminari taċ-Champions League.

Fl-aħħar jiem, kien ikkonfermat tnaqqis ta’ 9.9 fil-mija mill-introjtu ta’ Man United (li niżel għal £88.7 miljuni) għall-perijodu Lulju-Settembru u li jirrifletti ‘l-assenza tal-klabb miċ-Champions League’.

Min-naħa tiegħu, Ed Woodward għamilha ċara li l-klabb qed isegwi l-plejers ġodda prospettivi u f’każ li ma jsirux trasferimenti f’Jannar (bħalma qed jidher il-każ, għalissa), United beħsiebhom jikkompetu għall-plejers ta’ kwalità, matul is-sajf, biex ikomplu jissaħħu.

“Jekk nistgħu nġibu lil xi ħadd mill-plejers li tfajna għajnejna fuqu f’Jannar, nikkunsidraw li nieħdu azzjoni, iżda l-probabbiltà hi baxxa,” temm jgħid Woodward.