L-Inkjesta Maġisterjali dwar il-karozza li kienet qed timblokka l-helipad f’Awwissu li għadda, għadha għaddeja minkejja li l-każ seħħ aktar minn tliet xhur ilu.
Għal mistoqsija fil-Parlament tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa, il-Ministru Konrad Mizzi responsabbli mis-settur tas-saħħa, qal biss li l-inkjesta għadha mhix lesta.
L-investigazzjonijiet jirrigwardaw inċident li seħħ fil-bidu ta’ Awwissu li għadda, meta ħelikopter b’pazjent mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li kellu jiġi trasferit lejn Malta biex il-pazjent jingħata aktar kura fl-Isptar Mater Dei, kellu jdur lura lejn Għawdex wara li ma setax jagħmel inżul fil-helipad tal-Isptar San Luqa, li dak iż-żmien kien qed jintuża minflok dak ta’ Mater Dei minħabba xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu għaddejjin.
Ir-raġuni ta’ dan ir-ritorn, kien minħabba karozza li kienet ipparkjata u li mblukkat l-aċċess għall-helipad ta’ St Luke’s. Fi stqarrija, id-Dipartiment tas-Saħħa kien qal li qed jinvestiga l-każ. Dak il-ħin, il-ħelikopter li kellu jinżel fil-helipad tal-Isptar San Luqa kellu jistennewh ambulanza b’tim mediku, iżda ma setax jinżel minħabba din il-vettura.
L-istqarrija kompliet tgħid li d-Dipartiment ġie nfurmat li dak il-ħin kien impossibbli li l-vettura titneħħa u li l-ħelikopter kellu jdur lura lejn Għawdex biex ikun jista’ jmur Malta aktar tard.
Wara aktar minn tliet xhur, ir-rapport dwar din l-investigazzjoni għadu mhux konkluż.
//= $special ?>