L-għada li għamel erba’ sigħat jaqra d-diskors tal-Baġit, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna nfexx f’attakk fuq l-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika (Eurostat) u ddeskriva l-istatistika li jippubblika bħala “fażulla”. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li hu ta’ għajb li l-Ministru tal-Finanzi, li messu jaf ħafna aħjar minn hekk, jattakka istituzzjoni internazzjonali u indipendenti li tagħmel xogħolha b’reqqa kbira.
Il-PN fakkar kif din mhix l-ewwel darba li Edward Scicluna attakka istituzzjoni li tikkalkula l-istatistika. F’Ottubru 2013, il-Ministru tal-Finanzi attakka uffiċċju ieħor tal-istatistika, din id-darba ta’ Malta (NSO). Kif jgħid il-Malti, min jagħmilha maz-zopp, isir bħalu. Scicluna għamilha wisq ma’ Joseph Muscat u tgħallem wisq kif meta jkun dahru mal-ħajt jitfa’ t-tajn lil ħaddieħor. Din id-darba, it-tajn qed jintefa’ lill-istituzzjoni Ewropea.
Jekk hemm xi ħaġa li hi fażulla, Edward Scicluna messu jħares lejn id-diskors ta’ erba’ sigħat li għamel it-Tnejn li għadda, hekk kif il-Baġit ta’ Edward Scicluna hu wieħed bla direzzjoni ekonomika u li ma jqassamx il-ġid b’mod ġust, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>