Ambjent Lokali

Ix-xogħol fil-farmhouse tal-Ministru Dalli mhux kopert mill-OHSA

Informazzjoni żvelata illum f’In-Nazzjon tikkonferma li l-bini li qed isir fil-farmhouse propjeta’ ta’ Patrick u Helena Dalli fiż-Żejtun qed isir mingħajr l-approvazzjoni meħtieġa mill-Awtorita’ Maltija għas-Saħħa u s-Sigurta’ (OHSA).

Sorsi li tkellmu magħna spjegawlna li meta propjetarju ta’ post ikun se jibda xogħlijiet ta’ bini jew xogħol strutturali maġġuri, ikun obligat jinforma lill-OHSA. Dan skont l-Avviż Legali 281/04 li jistipola illi trid tiddaħħal għand l-OHSA dik li teknikament tissejjaħ il-Construction Notification Form.

Helena Dalli hija politikament responsabbli mill-OHSA

Din il-formola jkun fiha d-dettalji kollha tax-xogħol li jkun pjanat li jsir fis-sit partikolari. Apparti minn dan, il-propjetarju hu obligat li jappunta project supervisor waqt ix-xogħolijiet.
F’dan il-każ, ir-responsabbilta’, skont kif spjegawlna s-sorsi tagħna, taqa kollha fuq Patrick Dalli għaliex il-permess tal-MEPA isejjaħ lilu.

L-istess sorsi qalulna li Dalli m’għandux acceptance letter mill-OHSA peress li l-formola ta’ notifikazzjoni qatt ma ġiet preżentata. U għalhekk, ix-xogħol li qed isir fil-farmhouse tar-raġel tal-Ministru Dalli mhux kopert mill-OHSA.

Ironikament, wieħed irid jirrimarka li Helena Dalli hija politikament responsabbli mill-OHSA għaliex din l-awtorita’ taqa’ taħt il-Ministeru tagħha. U għalhekk, dan kollu jqajjem bosta mistoqsijiet.
Is-sorsi tagħna qalulna li fuq dan il-każ għad hemm ħafna affarijiet li jqajjmu tħassib.

Wieħed jistqasi jekk saritx din in-notifika biex l-OHSA tkun infurmata li għaddej ix-xogħol. Jekk saret, min għamel din in-notifika? U l-Ministru Dalli kienet infurmata minn naħa tal-OHSA b’dan il-każ li jirrigwardja lil żewġha? Jekk iva, għaliex ma ttieħdux passi?

Fl-aħħar jiem ġie żvelat fil-media kif minkejja l-Avviż ta’ Infurzar mill-MEPA, għadu għaddej ix-xogħol li qed isir ġewwa l-farmhouse tar-raġel tal-Ministru Helena Dalli. Dan rawh b’għajnejhom il-ġurnalisti tagħna meta marru fil-post fejn hemm din il-propjeta’ ta’ Patrick Dalli fiż-Żejtun, u saħansitra raw ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol.

Għalhekk konna saqsejna lill-Ministru Helena Dalli ta’ min hi din il-farmhouse, jekk hix ġejja mill-komunjoni tal-akkwisti jew jekk hix ta’ kumpanija tal-familja Dalli. Lill-Ministru saqsejniha jekk hux veru li dan l-iżvilupp sar f’żona immarkata ODZ, u jekk hi kinitx taf li għadu għaddej ix-xogħol f’dan is-sit minkejja l-ordni tal-MEPA li turi biċ-ċar li l-bini qed isir b’mod irregolari.

It-tweġiba kienet waħda xotta u ta’ ftit kliem…fejn qaltilna li l-post imsemmi qiegħed fuq konvenju, u li jekk qed isir xi xogħol, “dan qed isir mix-xerrej il-ġdid u s-Sur Dalli ma ġiex mgħarraf b’dan”.
Minkejja dan, diversi periti qalulna illi bħala regola ġenerali, xogħol maġġuri ta’ kostruzzjoni waqt konvenju ma jsirx…u f’99 fil-mija tal-każi, lanqas biss tingħata ċavetta lix-xerrej.