Informazzjoni li għadha kif daħlitilna tgħid li għal ħabta tad-8.45pm tal-lejla seħħ inċident li fih ix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia spara tiri ta’ arma tan-nar wara li l-vettura tiegħu kienet involuta f’inċident tat-traffiku fil-Gżira
Maltarightnow.com hi nfurmata li waqt li l-karozza tal-Ministru Mallia kienet għaddejja fi Triq Wied il-Kappara, fil-Gżira, għal xi raġuni, kienet involut f’ħabta ma’ karozza oħra, tant li x-xufier tal-Ministru ħareġ għas-sewwieq l-ieħor u kellu argument miegħu.
Skont xhieda li kienu fil-post u li tkellmu magħna, jidher li x-xufier tal-Ministru kien anke armat u ħareġ l-arma tan-nar. Is-sewwieq l-ieħor beda jgħidlu biex idaħħal l-arma u sostna miegħu li ma kellux għalfejn jheddu b’dan il-mod.
Ix-xufier tal-Ministru għażel li ma jdaħħalx l-arma tan-nar u minflok spara tiri li ħassdu lir-residenti taż-żona u lis-sewwieq l-ieħor tant li dan ħarab minn fuq il-post bil-biża.
Il-każ, li żvolġa fl-inħawi ta’ madwar il-pixxina nazzjonali tal-Qroqq, illejla waqt li l-Parlament kien kważi spiċċa mis-seduta, jidher li beda meta s-sewwieq tal-vettura privata, li nies li kienu fil-post qalulna li kienet karozza tat-tip Saloon, x’aktarx ipprova jaqla’ lil karozza tal-Ministru u x-xufier tal-Ministru waqaf f’daqqa.
Nies li kienu fil-post u li kkuntatjawna b’dawn id-dettalji qalulna li baqgħu mbikkma meta raw u semgħu ż-żewġ tiri jiġu sparati, tant li f’dak il-mument ħassewhom fil-periklu.
Komplew jirrakkuntaw li ftit biss wara li seħħ dan il-każ il-post imtela’ b’karozzi tal-Pulizija. Jidher li x’ħin waslu mill-inqas erba’ karozzi tal-Pulizija s-sewwieq l-ieħor kien diġa’ telaq mill-post.
Fost ix-xhieda li tkellmu magħna kien hemm min qalilna li ra ċar lix-xufier ta’ dan il-Ministru partikolari joħroġ mill-karozza bl-arma f’idejh, jargumenta mas-sewwieq l-ieħor u iktar tard jispara żewġ tiri.
Iktar tard, is-sewwieq l-ieħor, ta’ nazzjonalita’ Skoċċiża, inqabad mill-Pulizija, fil-post li jidher f’dan il-filmat.
//= $special ?>