Ekonomija Lokali

Jagħtik f’but u jeħodlok minn ieħor

Joseph Muscat jagħtik f’but u jeħodlok minn ieħor. Joseph Muscat jisirqek ħames ewro kull darba li tagħti 25 ewro petrol jew diesel. Is-somma ta’ €35 mhux se tingħata lil kulħadd. Baġit li bih marru l-agħar iż-żgħażagħ, min irabbi, l-ħaddiema u l-pensjonanti.

L-agħar li mar fil-baġit huwa l-individwu!

Dan qalu wkoll l-Ekonomista, l-Professur Lino Briguglio, waqt il-programm TVAM ta’ nhar it-Tlieta, l-għada tal-baġit.

Lino Briguglio qal li fil-baġit għas-sena d-dieħla hemm miżuri tajbin fosthom li hu baġit li bih jaqbillek taħdem u ma tiddependix mis-servizzi soċjali. Iżda l-Professur Briguglio jgħid wkoll li l-Individwu se jiggwadanja l-inqas.

L-Ekonomista Lino Briguglio semma’ wkoll tlett problemi li skont hu ma ġewx indirizzati kif suppost fil-baġit. Dawn huma t-traffiku, l-arja maħmuġa u l-abbuż mill-iżviluppaturi.

Brigulio spjega wkoll kif normalment gvern soċjalista, bħal ma hu l-gvern laburista jgħin aktar lil min għandu paga baxxa milli lil min għandu paga għolja. Iżda fil-baġit għas-sena d-dieħla, il-gvern, bil-miżuri fiskali għażel li jgħin aktar lil min għandu paga għolja milli lil min għandu paga baxxa. U lil dawk li għandhom paga baxxa, il-Gvern preżenti, għenhom bi ftit.

B’mod inġenerali l-kritika prinċipali għall-bagit ta’ nhar it-Tnejn, kienet li fit-tielet baġit tiegħu l-gvern għadu ma jafx liema huma s-setturi eżistenti li jrid jinċentiva u x’setturi ġodda jrid jattira lejn il-pajjiż għaliex wara kollox s-setturi ġodda jgħinnu biex jiżdied ix-xogħol!