Kritika lill-eks Prim Ministru u eks Mexxej Soċjalista Dom Mintoff wasslet biex il-ħarġa kurrenti tal-inflight magazine li jitqassam fuq it-titjiriet tal-Air Malta nġabret lura minn fuq l-ajruplani, reġgħet ġiet stampata u kopji ġodda tqassmu diġà għas-spejjeż tal-kuntrattur li kien responsabbli mill-pubblikazzjoni tal-magażin.
Il-kritika kienet diretta lejn Mintoff, li fl-introduzzjoni tal-artiklu, bit-titlu “50 years of Independence”, intqal li Malta għaddiet miż-żminijiet mudlama tat-Tieni Gwerra Dinjija u mis-snin tad-dittaur Soċjalista Dom Mintoff, kif ukoll li llum hi b’saħħitha bħala parti mill-Unjoni Ewropea u miż-Żona Ewro. L-artiklu kien iffirmat minn Jeremy Norman.
L-informazzjoni li l-inflight magazine kellu jinġabar u jiġi stampat mill-ġdid u jerġa’ lura fuq it-titjiriet tal-Air Malta mingħajr il-kritika lejn Mintoff, kienet żvelata f’Mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo lill-Ministru Edward Zammit Lewis.
Fit-tweġiba li ta, il-Ministru tat-Turiżmu kkonferma li dan kellu jseħħ minħabba li f’artiklu partikolari tal-magażin ġew espressi opinjonijiet minn kontributur li kemm l-Air Malta u kemm l-istess kuntrattur ma jaqblux magħhom.
Il-Ministru Zammit Lewis qal ukoll li l-kuntrattur talab apoloġija bil-miktub għal dan in-nuqqas u għamel l-arranġamenti kollha biex jikkoreġi dan kif ukoll xi żbalji oħrajn ta’ ortografija għas-spejjeż tiegħu.
Jirriżulta wkoll li sakemm inġabar biex kienet ikkanċellata din il-kritika diretta lejn Mintoff, il-magażin kien nieqes għal madwar ħamest ijiem minn fuq it-titjiriet tal-Air Malta.
//= $special ?>