L-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qal li meta tneħħa mit-tmexxija tal-Korp mill-Gvern preżenti ftit ġimgħat wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013, me kellux żmien jagħti handover tajba lill-Kummissarju ta’ warajh Peter Paul Zammit dwar l-investigazzjonijiet fil-każ dwar l-allegati irregolaritajiet fix-xiri taż-żejt.
Meta llejla John Rizzo kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, John Rizzo tkellem dwar il-maħfra li ngħatat lil George Farrugia biex jiġu investigati l-allegat irregolaritajiet.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fir-rigward ta’ dak li kellu xi jgħid lill-Pulizija George Farrugia, kienu bdew l-għada li ngħatat il-maħfra – liema maħfra kienet imfassla mill-Avukat Ġenerali u mill-Pulizija, u li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien emenda u approva biex tkun aktar iebsa fil-konfront ta’ min kien qiegħed jingħata l-maħfra biex jgħid il-verità u toħroġ l-informazzjoni meħtieġa.
John Rizzo spjega kif l-informazzjoni li kien ta lill-Pulizija George Farrugia, kienet strumentali biex tressqu diversi persuni quddiem il-Qorti b’rabta ma’ irregalaritajiet u li dwarhom il-Pulizija kellha evidenza biex tipproċedi fil-Qrati.
Spjega wkoll lill-Kumitat tal-Kamra, li l-Pulizija kellha diġà biżżejjed evidenza qabel ma ngħatat il-maħfra lil George Farrugia, biex tressaq il-Qorti Francis Sammut. Spjega wkoll li dwar persuni oħrajn li kienu qed jiġu interrogati u investigati wkoll, kien hemm nuqqas ta’ provi biex tkun tista’ takkużahom u tipproċedi fil-Qrati.
//= $special ?>