Internazzjonali

Miss Honduras tinstab mejta

Plutarco Antonio Ruiz, l-għarus ta’ oħt Miss Honduras, Maria Jose Alvarado ta’ 19-il sena, kien arrestat u akkużat li ħataf u qatel lir-reġina tas-sbuħija u lil oħtha,Sofia Trinidad ta’ 23 sena, wara li l-koppja għebet jiem biss qabel il-konkors Miss World f’Londra.
Iż-żewġ tfajliet għebu nhar il-Ħamis ’il barra mill-belt ta’ Santa Barbara fit-Tramuntana tal-pajjiż wara festin fi stabbiliment lokali, jiem biss qabel ma Alvarado kellha tivvjaġġa lejn Londra biex tikkompeti fil-konkors ta’ Miss World.
Il-każ qajjem agħa f’dan il-pajjiż fl-Amerika Ċentrali li hu magħruf għall-vjolenza.
San Pedro Sula, aktar minn 30 mil ’il bogħod minn Santa Barbara, hi l-kapitali għall-qtil fid-dinja b’aktar minn 1,200 omiċidju kull sena fost kważi popolazzjoni ta’ miljun abitant.
Mill-inqas tliet omiċidji jkunu rappurtati kuljum fil-Ħonduras, li hu pajjiż rinomat mal-esportazzjoni tal-kafè, il-maġġoranza tagħhom f’idejn gruppi kriminali perikolużi ħafna u traffikanti tad-droga li jaħdmu liberament f’zona bla ebda ordni, fil-faqar u f’sistema ġudizzjarja dgħajfa.