Omma Olandiża waslet mat-tifla tagħha fit-Turkija, wara vjaġġ perikoluż fis-Sirja biex ġabitha lura mill-ISIS f’Raqqa.
L-omm, Moniqie, l-ewwel marret it-Turkija f’Ottubru, xhur wara li t-tifla tagħha Aicha vvjaġġat lejn is-Sirja biex tiżżewweġ Iżlamiku Olandiż-Tork. L-omm u l-bint qed jinżammu mal-fruntiera Torka u qed jittamaw li jmorru d-dar fi żmien qasir.
Aicha, li għandha 19-il sena, hi waħda minn numru ta’ bniet adolexxenti u tfajliet li għamlu l-vjaġġ tagħhom biex jingħaqdu mal-ISIS. Żewġ Awstrijaċi, ta’ 15 u 17-il sena, marru s-Sirja f’April u qed ikun rappurtat li waħda minnhom inqatlet.
Aicha ħalliet l-Olanda fi Frar meta żżewġet lil Omar Yilmaz, ġiħadista Olandiż-Tork li xi darba kien membru fil-militar Olandiż.
Wara li l-pulizija kienet avżata dwar il-pjani tagħha li ssiefer lejn is-Sirja, il-passaport ta’ Aicha nżamm iżda hi, minflok, użat il-karta tal-identità.
Yilmaz qal lil ġurnalista tal-BBC nhar l-Erbgħa li hu kien iżżewweġ lit-tfajla Olandiża wara li ġellied ieħor li hi kienet se tiżżewġu, inqatel fil-ġlied. Iżda ż-żwieġ ma ħadimx u nfirdu.
Monique siefret lejn it-Turkija f’Ottubru f’attentat biex iġġib lura lil bintha iżda falliet mal-fruntiera. Il-ġimgħa li għaddiet, wara talba għall-għajnuna mit-tifla tagħha, Monique marret lura, kontra l-parir tal-pulizija, u vvjaġġat lejn Raqqa – is-sit tal-kalifat tal-ISIS. Hi sabet lit-tifla tagħha u ħaditha lura t-Turkija.
//= $special ?>