Futbol Sport

PARTITI TA’ ĦBIBERIJA: Il-Peru jirbaħ b’disgħa kontra l-Paragwaj

Żewġ gowls minn Carlos Ascues għenu lill-Peru b’disa’ plejers jirkupraw minn gowl minn taħt biex għelbu lill-Paragwaj 2-1 f’Lima u b’hekk pattew għat-telfa li kienu ġarrbu ħames t’ijiem qabel.

Il-plejers ta’ Victor Genes marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Roque Santa Cruz li kien imxellef lejn tmiem l-ewwel taqsima qabel ma l-Peruvjani f’darhom kellhom lill-attakkant Palo Guerrero mkeċċi fis-67 minuta.

Imma gowls mill-isbaħ tas-sostitut ta’ 22 sena Ascues, raw lill-Peruvjani jiksbu r-rebħa quddiem il-partitarji tagħhom.

Ascues kiseb id-draw wara suġġeriment ta’ Cristian Benavente mumenti wara li daħal fit-72 minuta u tmien minuti wara l-istess plejer ta’ Universidad San Martin reġa’ skorja.

Lejn it-tmiem kien hemm ukoll inċident bejn Yordy Reyna tal-Peru u Derlis Gonzalez tal-Paragwaj li kienu daħlu t-tnejn sostituti u tkeċċew flimkien.

Deċiża minn sostitut
Alvaro Gonzalez ukoll daħal sostitut u mexxa lill-Urugwaj lejn rebħa 2-1 fuq iċ-Ċile f’partita internazzjonali oħra ta’ ħbiberija f’Santiago.
Gonzalez kien għadu kif daħal fil-pitch meta approfitta minn żball fid-difiża taċ-Ċile li nqabdet rieqda fit-80 minuta f’Estadio Monumental.
Iż-żewġ difensuri ċentrali nqabdu fuq sieq waħda u ppermettew lil Diego Rolan jieħu l-ballun u jqassmu lejn is-sostitu Gonzalez li ma żbaljax mill-viċin.
Aktar qabel Alexis Sanchez kien poġġa liċ-Ċile fil-vantaġġ fit-28 minuta.
Imma l-Urugwaj kisbu d-draw eżatt qabel il-mistrieħ meta ż-żagħżugħ Rolan skorja l-ewwel gowl tiegħu ma’ pajjiżu kontra x-xejra tal-logħob.

Rebħu wara 21 xahar
Il-Bolivja temmew stennija ta’ 21 xahar għal rebħa meta għelbu lil Venzwela 3-2 f’logħba pjaċevoli.
Gowl mill-isbaħ wara azzjoni ndividwali ta’ Juan Carlos Arce fis-87 minuta tahom l-ewwel rebħa sa minn Frar tal-2013.

Ronald Raldes u Damian Lizio kienu poġġewhom fil-vantaġġ wara li Wilker Angel kien kien fetaħ l-iskor għall-Venzwela.

Imma Alexander Gonzalez skorja fil-71 minuta biex kiseb id-draw għall-viżitaturi li issa ilhom bla rebħa sa minn Settembru tas-sena l-oħra qabel ġarrbu telfa oħra b’gowl ta’ Arce.
F’partita oħra l-Kanada ma kienux kapaċi jinfdu lil Panama b’għaxar plejers u spiċċaw fi draw 0-0.
It-tkeċċija ta’ Anibal Godoy fit-73 minuta tat lill-Kanada vantaġġ numeriku imma l-viżitaturi ma kienux kapaċi japprofittaw.

Anzi kienu l-Panama l-aktar perikolużi hekk kif il-forma diċenti tagħhom kompliet wara li tilfu biss darba fl-aħħar seba’ partiti.

Riżultati
Bolivja v Venzwela 3-2
Ċile v Urugwaj 1-2
Peru v Paragwaj 2-1
Panama v Kanada 0-0