Kultura

Pierre J. Mejlak jingħata l-Premju tal-UE għal-Letteratura

Fil-jiem li għaddew, il-kittieb Għawdxi, Pierre J. Mejlak ingħata l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura f’ċerimonja fi Brussell wara li x-xahar li għadda tħabbar bħala rebbieħ bil-ktieb tiegħu intitolat ‘Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid’.

Il-premju kien ippreżentat lilu mill-Kummissarju Ewropew, Tibor Navracsics li dan l-aħħar ħa r-responsabbiltà għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici li attenda għall-premjazzjoni.

Din hija t-tieni darba li Malta rebħet il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura wara li l-kittieb Immanuel Mifsud kiseb dan is-suċċess fl-2011 bix-xogħol tiegħu ‘Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben)’.
Pierre J. Mejlak kiteb diversi xogħlijiet għat-tfal, novelli għall-adolexxenti u żewġ kollezzjonijiet ta’ stejjer qosra. Hu rebaħ darbtejn il-Premju Malti għall-Ġurnaliżmu u kien ukoll, fost oħrajn, korrispondent mal-BBC.

Din is-sena kienu 13 l-awturi Ewropej li kienu ppremjati. Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura huwa l-uniku premju internazzjonali ta’ din ix-xorta.

L-Unjoni Ewropea hija wkoll determinata li tgħin fit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji ġodda permezz tal-programm Creative Europe.