Lokali

Sehem qawwi minn Radio 101 f’Misraħ il-Milied

Is-sehem ta’ Radio 101 fil-Maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista din is-sena se jkun ferm aktar wiesgħa minn Maratoni tal-passat. Dan qalu l-Kap ta’ Radio 101 Charles Saliba, f’kummenti dwar il-Maratona “Misraħ il-Milied”, li se tittella’ fid-Dar Ċentrali bejn il-Ġimgħa, 5 u t-Tnejn, 8 ta’ Diċembru.

Charles Saliba qal li s-Sibt, 6 ta’ Diċembru l-preżentaturi ta’ Radio 101 se jtellgħu party b’differenza, filwaqt li stieden lill-pubbliku biex jipparteċipa fl-attivitajiet. Qal li l-programmi ta’ Radio 101 għal Misraħ il-Milied se jinkludu s-sehem tal-preżentaturi ta’ Radio 101, kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd, minn filgħodu sa filgħaxija.

Din id-darba, il-preżentaturi ta’ Radio 101 se jkollhom sehem aktar wiesgħa wkoll fil-preżentazzjoni tal-Maratona fuq NET Television, b’numru kbir ta’ preżentaturi ta’ Radio 101 li se jagħtu sehem dirett, fosthom Marbeck Spiteri, George Galea, David Thake u Charles Saliba stess. Saliba qal li s-sorpriżi mill-preżentaturi ta’ Radio 101 se jibqgħu sorpriżi sal-jiem tal-Maratona, għalkemm sostna li l-programm offrut mill-istazzjon se jkun wieħed varjat u ta’ divertiment.

Charles Saliba appella lis-semmiegħa biex iwieġbu għal din is-sejħa li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li wiegħed li matul l-erbat ijiem ta’ “Misraħ il-Milied” se jkun hawn atmosfera mill-isbaħ fid-Dar Ċentrali.