Lokali Parlament

Appell għall-ewwel passi għal riformi meħtieġa fix-xandir pubbliku

Il-mistoqsija hi jekk irridux nagħmlu dan il-pass fl-ambitu ta’ tibdil neċessarju anke fil-Kostituzzjoni

Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici appella biex bi qbil bejn iż-żewġ partiti ewlenin, jibdew jittieħdu l-ewwel passi għal riformi meħtieġa u li ilhom mistennija biex ix-xandir pubbliku tal-istat jikseb il-fiduċja tal-poplu kollu.

Appella wkoll li dawn il-passi jridu jittieħdu b’mod gradwali u fuq numru ta’ snin, l-ewwel li l-istazzjon ma jibqax f’idejn il-Gvern; ikun hemm it-tisħiħ tar-regolatur; u spazju mill-istazzjon pubbliku biex il-partiti u s-soċjetà ċivili jingħataw l-ispazju b’mudelli wkoll ta’ pajjiżi oħrajn.

Meta tkellem fil-Parlament din il-ġimgħa fil-ħin tal-Aġġornament, Charlò Bonnici irrifera għad-dokument ippubblikat mill-Public Policy Institute dwar ix-xandir f’pajjiżna bit-tema ‘Confronting the Challenge in Innovation and Regulation of Broadcasting in Malta’, u tkellem dwar l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rapport.

Ħafna mill-punti li qed jitkellem dwarhom illum, enfasizza wkoll li qalhom fi żmien amministrazzjoni preċedenti, fil-kuntest li x-xandir għandu rwol importanti għad-demokrazija tal-pajjiż.

Charlò Bonnici irrifera għal waħda mill-konklużjonijiet tar-rapport li jsemmi li dak li seħħ fit-tmeninijiet, fi żminijiet meta kien manipulat mill-gvern tal-ġurnata, affettwa s-snin ta’ wara u saħansitra għadu influwenti llum. Fakkar li l-għoti ta’ liċenzji u l-ftuħ tal-istazzjonijiet tal-partiti tat-televiżjoni kien reazzjoni għal dak li seħħ fit-tmeninijiet li llum, ħafna esponenti tal-Partit Laburista jippruvaw jiddistakkaw minnu.

Dak wassal biex l-istazzjon statali tax-xandir qatt ma ħa ruħ u l-anqas m’għandna xi stazzjoni ieħor b’saħħtu li qed jopera f’pajjiżna. Irrimarka li n-nuqqas tal-kumpaniji privati ċaħħad lill-pajjiżna minn xandir aktar bilanċjat f’ġieħ id-demokrazija f’pajjiżna.

Il-mistoqsija li tqum illum, qal Charlò Bonnici, hi jekk dan il-kuntest kollu jfissirx jekk nistgħux nagħmlu pass ‘il quddiem f’dan ir-rigward. Staqsa wkoll x’riformi rridu għal xandir pubbliku ġust, u li jkun lil hinn mill-politika partiġjana u ‘l bogħod mill-aġenda tal-partit fil-Gvern.

Charlò Bonnici qal li hi fehma komuni li x-xandir statali llum ma jnissilx fiduċja f’kulħadd, kif ma kienx ukoll fi żmien amministrazzjoni preċedenti. Il-mudell ta’ dipendenza finanzjarja fuq il-gvern tal-ġurnata, ma tagħmilx ġid biex ix-xandir pubbliku jkun ħieles mill-aġenda tal-politika partiġjana.

Staqsa wkoll jekk irridux nagħmlu dan il-pass fl-ambitu ta’ tibdil neċessarju anke fil-Kostituzzjoni, u dan anke jekk it-tibdil ma jkunx drastiku. Hu f’dan l-ambitu li tkun trid issir diskussjoni serja dwar fejn irridu mmorru fil-qasam tax-xandir.
Staqsa jekk ix-xandir pubbliku għandux jiġi taħt istituzzjoni nazzjonali ta’ fiduċja biex jinqata’ mill-mod kif jinħakem mill-gvern tal-ġurnata.

Punt ieħor li jirreferi wkoll ir-rapport tal-Public Policy Institute, hu dwar it-tibdil meħtieġ fl-Awtorità tax-Xandir, li Charlò Bonnici saħaq li llum skada żmienha. L-Awtorità ma tistax tibqa’ dominata mill-partiti politiċi u għandu jingħata spazju lis-soċjetà ċivili u lill-industrija privata li nħolqot fl-aħħar 25 sena bis-saħħa tal-pluraliżmu fix-xandir.

Rakkomandazzjoni mill-Public Policy Institute hi li jingħaqdu flimkien l-Awtorità tax-Xandir u l-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni u jsiru l-Malta Media Authority – li tirrappreżenta kemm is-settur tat-telekomunikazzjoni kif ukoll ix-xandir – rakkomandazzjoni li Charlò Bonnici qal li tagħmel ħafna sens.

Charlò Bonnici qal ukoll li fuq tul ta’ żmien, il-partiti wkoll jaqblilhom li l-partiti politiċi jieħdu sehem fl-istazzjon nazzjonali u mbagħad ikun jista’ jingħata wisa’ għall-investiment privat fis-settur tax-xandir. Appella liż-żewġ partiti politiċi jaqblu fuq time frame biex isiru dawn il-passi tant meħtieġa u mistennija.