Ħames studenti fit-Tajlandja ġew arrestati talli taw is-salut, bħal dak li jingħata fis-serje ta’ Hollywood – The Hunger Games – lill-Prim Ministru Prayuth Chan-Ocha.
Is-salut bi tlett iswaba’ hu wżat ħafna mid-dimostranti kontra l-kolp ta’ stat mill-militar tat-Tajlandja li kien sar f’Mejju.
L-armata kienet heddet f’Ġunju li tarresta lil kulmin jirrifjuta milli jieqaf jagħmel dan it-tip ta’ salut meta jkun sfidat.
Il-Ġeneral Prayuth kien mexxa l-kolp ta’ stat, li seħħ wara xhur ta’ taqlib politiku, u sar Prim Ministru f’Awwissu.
Ilbieraħ, hu kien qed jitkellem f’avveniment fil-provinċja ta’ Khon Kaen meta ħames studenti minn universita’ lokali u li kienu bilqiegħda qrib tiegħu, qamu bilwieqfa. Dawn l-istudenti neħħew il-qomos tagħhom u żvelaw T-shirts minn taħt li kellhom slogan jaqra “Le, għal kolp ta’ stat”, filwaqt li taw is-salut bi tlett iswaba’.
Il-pulizija u s-suldati fil-pront neħħew lill-ħames studenti minn fejn kienu u arrestawhom.
//= $special ?>