Hemm suspetti li tfajla li nqatlet brutalment aktarx għandha rabta mal-każ tal-kannibalu Russu Andrei Chikatilo (ritratt).
Il-vittma hi bint l-uffiċjal tal-Pulizija Russu li kien mexxa l-investigazzjoni li wasslet għall-arrest ta’ Chikatilo – meqjus bħala wieħed mill-agħar serial killers fid-dinja.
Missierha kien arresta lil Chikatilo
Il-katavru ta’ Maria Glinka, ta’ 19 il-sena, instab marbut. Hi kienet għarwiena, b’borża ma’ rasha u nstabet jumejn wara li għebet f’Novogorod, fil-Punent tar-Russja.
Missierha, Vladimir Glinka, ta’ 59 sena, kellu rwol ewlieni fil-każ ta’ Chikatilo li bejn l-1978 u l-1990 kien responsabbli għal 50 każ ta’ qtil brutali. Fil-maġġoranza tagħhom, il-vittmi tiegħu kienu nisa li kien ibiċċirhom bl-aktar mod brutali u jiekol partijiet minnhom. Hu kien arrestat fl-1990 minn Glinka wara li waqqfu qrib il-post fejn kien qatel lill-aħħar vittma tiegħu.
Chikatilo kien ingħata l-piena tal-mewt fl-1994
Il-Pulizija qalu li minħabba l-mod kif instab il-katavru u minħabba l-passat ta’ missierha, huma mhux qed jeskludu rabta mal-każ ta’ Chikatilo.