Lokali

Filmat: Gidba oħra ta’ Manwel Mallia – mhix prassi li x-xufiera tal-Ministri tal-Intern ikunu armati

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ dalgħodu, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia qal li hi prassi li x-xufiera tal-Ministri tal-Intern ikunu Pulizija u jservu wkoll bħala Uffiċjali tas-Sigurtà.

Iżda meta l-ġurnalisti bdew jikkontradixxuh u qalulu li ma jirriżultax li x-xufiera tal-Ministri tal-Intern kienu jkunu armati, Manwel Mallia baqa’ jinsisti li dan mhux il-każ u li l-Ministri ta’ qablu kellhom skorta armata.

Għaldaqstant, MaltaRightNow.com tkellem mal-eks Ministri tal-Intern fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti Tonio Borg u Carm Mifsud Bonnici. It-tnejn li huma ċaħdu li qatt kellhom xufiera magħhom li kienu jkunu armati.

Tonio Borg qal li fis-snin kollha li dam Ministru, fosthom Ministru responsabbli mill-Intern għal għaxar snin sħaħ, qatt ma kellu xufiera armati. Għal erba’ snin minn dak il-perjodu, Tonio Borg kien ukoll Viċi Prim Ministru.

Anke l-eks Ministru Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, li f’disa’ snin serva bħala Segretarju Parlamentari umbagħad Ministru għall-Intern, sostna li ż-żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu jservu miegħu bħala xufiera ma kienux ikunu armati.

Carm Mifsud Bonnici qal ukoll li Ministru tal-Intern għandu jara li jkollu l-kuraġġ u d-determinazzjoni meħtieġa biex jiġġieled il-kriminalità bl-istess mod kif jiġġilduha l-membri fil-Korp tal-Pulizija.