Il-Bulgarija keċċew lill-kowċ Luboslav Penev wara li t-tim iddiżappunta fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016. Nhar il-Ħadd li għadda l-Bulgarija ġew miżuma draw 1-1 f’darhom proprju kontra Malta. Fi stqarrija uffiċjali l-President tal-Federazzjoni Bulgara (BFU) Borislav Mihaylov qal li se tkun ferm diffiċli li t-tim jikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej. L-istess Mihaylov qal li l-Federazzjoni se tagħżel kowċ ġdid sal-bidu tas-sena u ikkonferma li l-kowċ mhux se jkun barrani.
Bħalissa l-Bulgarija qegħdin fir-raba’ post ta’ Grupp Ħ b’erba’ punti u mill-grupp jikkwalifikaw biss żewġ timijiet. Il-Kroazja u l-Italja qegħdin it-tnejn li huma fit-tieni post b’10 punti.
Penev beda jmexxi lill-Bulgarija fl-2011 meta kien ħa post il-Ġermaniż Lothar Matthaeus u f’Novembru ta’ sena ilu ġedded il-kuntratt b’sentejn oħra. Penev issa hu t-tmien kowċ tat-tim nazzjonali Bulgaru sa mill-2007 li tkeċċa jew telaq mill-kariga. Il-kowċ il-ġdid li se jkun maħtur se jiddebutta fil-fażi tar-rawnd preliminari tal-Euro 2016 bil-logħba kontra l-Italja fit-28 ta’ Marzu tal-2015.
//= $special ?>