Internazzjonali Kurżitajiet

Koppja inseparabbli tmut f’temp ta’ ftit minuti minn xulxin

Koppja “inseparabbli” li kienet ilha miżżewġa għal 65 sena mietet f’temp ta’ ftit minuti minn xulxin.

Harry Stevenson, ta’ 88 sena, miet wara li ħaddiema f’dar tal-anzjani infurmawh dwar il-mewt ta’ martu Mavis ta’ 89 sena.

Il-koppja devota minn Derby, irrifjutat li tkun separata minn xulxin tul ħajjithom u, meta saħħet Mavis qalbet għall-agħar, Harry ingħaqad magħha fid-dar tal-anzjani.

Harry u Mavis Stevenson kienu ltaqgħu fi klabb soċjali fl-eta’ ta’ 16-il sena, Harry u Mavis bdew joħorġu flimkien qabel ma Harry mar jiġġieled matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta għalaq 17-il sena fl-1943. Hu kien Royal Marine Commando u serva fl-inżul fuq ix-xtajtiet tan-Normandija fi Franza.

Il-koppja żżewġet wara li Harry irritorna mill-gwerra. Hu ħadem bħala mastrudaxxa għal 50 sena. Għalkemm il-koppja qatt ma kellha tfal, hi ħabbet il-familja kbira tagħha u kienet magħrufa għall-ikliet tal-għada tal-Milied.