Lokali

Profili foloz jirrikattaw Maltin fuq Facebook

Numru ta’ Maltin fl-aħħar jiem waqgħu fin-nasba ta’ profili foloz fuq Facebook li l-ewwel jibagħtu friend request, u meta dak li jkun jaċċetta, jitolbu l-indirizz elettroniku jew Skype tal-vittmi.

Jekk dak li jkun jgħaddi l-indirizz tiegħu, dawn il-profili, ħafna drabi ta’ tfajliet, jibdew jibagħtu ritratti u filmati pornografiċi, taparsi tagħhom għarwenin jilagħbu mal-partijiet privati tagħhom bl-iskop li jkomplu jagħmu lill-vittma.

Maltin li spiċċaw vittmi ta’ din ix-xibka ta’ qerq ħafna drabi ċedew ukoll għal talbiet ta’ dawn il-profili foloz biex huma wkoll jgħaddu ritratti tagħhom għarwenin jew jinżgħu waqt xi sessjoni bil-web cam.

Hu hawn li l-persuni wara l-profili foloz jiġbdu ritratti tal-vittmi tagħhom għarwenin u jibdew ir-rikatti. Ninsabu nfurmati li f’xi każi l-vittmi Maltin intalbu jħallsu saħansitra somom li jlaħħqu l-eluf ta’ ewro. Jekk jirrifjutaw, huma jkunu mhedda li r-ritratti tagħhom jiġu ppublikati fuq l-internet u jintbagħtu lill-għeżież tagħhom.

Il-persuni wara dawn il-profili fl-aħħar xhur irfinaw sew is-sistemi li jużaw tant li issa qed joħolqu profili b’ismijiet tipikament Maltin, u mhux iktar ismijiet barranin, filwaqt li jinqdew b’ritratti ta’ tfajliet ħelwin li mhux faċilment ikunu rikonoxxuti bħala foloz.

Dawn il-persuni qed iniżżlu wkoll irħula Maltin bħala l-post fejn jgħixu biex b’hekk kemm jista’ jkun ikunu kredibbli.

Għalkemm forsi wieħed jista’ jaħseb li faċli wieħed jirrikonoxxihom, dawn il-profili qed isiru bi ħsieb u spiss qed jispiċċaw iwaqqgħu vittmi Maltin fil-kurżita’ li jieħdu ċans.

Dwar dawn il-każi diġa’ daħlu rapporti għand il-pulizija.