Is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna b’xejn li jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha, huma offruti wkoll b’xejn lil ċittadini Ingliżi li jaqgħu taħt l-arranġamenti bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż; ċittadini Ewropew li jaqgħu taħt ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea; ċittadini Awstraljani fl-ewwel sitt xhur taż-żjara tagħhom f’Malta; u pazjenti oħrajn li jistgħu ma jintalbux iħallsu minħabba raġunijiet umanitarji.
Din l-informazzjoni ta l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, meta fil-Parlament kien mitlub mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, jgħid liema huma dawk in-nazzjonalitajiet li ċ-ċittadini tagħhom huma mitluba jħallsu għal servizzi tas-saħħa meta dawn jiġu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru Mizzi wieġeb billi ta lista ta’ dawk iċ-ċittadini mhux Maltin li jistgħu jgawdu wkoll mis-servizzi tas-saħħa b’xejn f’pajjiżna.
Claudio Grech talab ukoll lill-Ministru Mizzi jgħid kemm daħħal ħlasijiet il-Gvern minn pazjenti ta’ nazzjonalità barranija fl-2012, fl-2013 u fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena; u jagħti wkoll l-informazzjoni skont il-pajjiżi rispettivi.
Il-Ministru Mizzi wieġeb billi talab lid-Deputat Nazzjonalista jispeċifika għal liema entità qed jirreferi għaliha.
//= $special ?>