Qorti

Żewġ żgħażagħ mixlijin li serqu minn dar ta’ anzjana

Żewġ żgħażagħ kien mixlijin tard il-Ħamis wara nofs inhar quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li serqu diversi oġġetti minn dar ta’ anzjana, liema oġġetti li fost oħrajn jinkludu ġojjellerija.

Iż-żgħażagħ, wieħed ta’ 17 u l-ieħor ta’ 20 sena, t-tnejn minn San Ġwann kienu mixlijin li wettqu din is-serqa mill-inħawi ta’ Misraħ il-Lewża, San Ġwann, nhar il-Ħadd li għadda.

Iż-żagħażugħ ta’ 17-il sena kien mixli wkoll li kiser żewġ kundizzjonijiet tal-Qorti fuq żewġ każijiet oħrajn u li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ f’kawża kriminali. It-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest kienet miċħuda u baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. L-Avukat Marion Camilleri deheret għalih.

Sadanittant iż-żagħażugħ ta’ 20 sena ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u tpoġġa taħt probation għal tliet snin. Il-Maġistrat Ian Farrugia wissa lill-ħati b’ton iebes li jekk jikkommetti reat ieħor fi żmien tliet snin, huwa jerġa jidher quddiemu u ma jkollu l-ebda għażla ħlief li jikkundannah għal ħamsa jew sitt snin. L-Avukat Carina Nagiah deheret għall-ħati. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino.