Lokali Qorti

Bin Han u d-Direttur tal-Marketing ta’ Leisure Clothing mogħtija l-libertà proviżorja

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Leisure Clothing Bin Han u d-Direttur tal-Marketing Liu Jia ngħataw il-libertà proviżorja mill-Maġistrat Carol Peralta. Huma ngħataw il-libertà proviżorja minkejja numru ta’ reati gravi, fosthom traffikar u sfruttament ta’ ħaddiema Asjatiċi.

Iż-żewġ Ċiniżi ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Huma kienu ordnati wkoll mill-Maġistrat Carol Peralta biex jiffirmaw kuljum fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun, li jkunu d-dar fil-11pm u ma joħorġux qabel is-6am. Hu mistenni li l-Avukat Ġenerali jappella minn din id-deċiżjoni.

Qabel ittieħdet id-deċiżjoni, l-Ispettur Joseph Busuttil, wieħed mill-Ispetturi li ressaq liż-żewġ Ċiniżi akkużati bi sfruttament ta’ ħaddiema u traffikar ta’ persuni umani fil-każ tal-kumpanija Leisure Clothing, qal li l-Pulizija għandha l-provi li xi ħaddiema tal-kumpanija kienu avviċinati u ngħadilhom biex ma jgħidux il-verità lill-Pulizija. Dan ifisser, sostna l-Ispettur Busuttil, li “il-kontaminazzjoni tal-provi hi xi ħaġa ovvja”.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-Avukat Pio Valletta qed jidher għaċ-Ċiniżi, qal li ma jeżistux elementi ta’ traffikar uman, kif ukoll li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha biex jingħataw il-libertà proviżorja. Hu allega li l-Prosekuzzjoni ħadet azzzjoni biss minħabba l-pressjoni tal-media biex jitressqu l-akkużati.

L-Ispettur Busuttil, li flimkien mal-Ispettur Silvana Briffa qed imexxi l-Prosekuzzjoni, qal li waħda mill-biżat tal-Prosekuzzjoni hi li dawn jaħarbu mill-pajjiż, filwaqt li rrefera għall-fatt li meta marru biex ikellmu lil Bin Han fir-residenza tiegħu, kienu diġà sabulu l-bagalji lesti u l-biljett maqtugħ għal Ruma, biex minn hemm imur lejn iċ-Ċina.

Fost l-akkużi serji ħafna fil-konfront ta’ Bin Han u Liu Jan hemm it-traffikar uman u esplojtazzjoni ta’ persuni Ċiniżi u Vjetnamiżi li kienu jaħdmu fil-fabbrika Leisure Clothing. Huma qed jiġu akkużati wkoll b’miżappropjazzjoni tal-pagi tal-ħaddiema, li naqsu li jħallsuhom, kif ukoll li naqsu milli jimxu mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-Liġijiet ta’ Malta.

Meta l-Erbgħa li għadda tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, dawn ma ngħatawx il-libertà proviżorja.