Ir-residenti ta’ Kampala, fl-Uganda, għadhom maħkumin mill-għadab wara l-mewta ta’ tifel ta’ sentejn li spiċċa mgħaffeġ taħt vettura tal-kunsill tal-belt. It-traġedja seħħet wara l-arrest ta’ omm it-tarbija talli kienet qed tbiegħ il-frott illegalment fit-toroq tal-kapitali.
Il-funeral tat-tifel, Ryan Ssemaganda, sar ftit sigħat ilu u wara li familtu – flimkien mal-politiċi tal-Oppożizzjoni – heddew li ma jidfnux lit-tarbija qabel l-uffiċjali jiddikjaraw ir-responsabbilta għal mewtu.
Qabel id-difna, il-katavru taċ-ċkejken kien ittieħed lejn l-inħawi tal-Parlament bi protesta, bil-pulizija tikkontrolla s-sitwazzjoni fost xeni ta’ tensjoni. Dan meta ħafna residenti jemmnu li l-Kunsill ta’ Kampala qed ikun ‘iebes wisq’ mal-bejjiegħa fit-toroq tal-belt.
L-omm tat-tifel kienet arrestata talli nqabdet tbiegħ il-frott mingħajr liċenzja, u l-għada stess, ommha — in-nanna ta’ Ryan — ħadet liċ-ċkejken fl-Uffiċini tal-Awtorita tal-Belt fejn kienet qed tinżamm ommu u fejn l-uffiċjali rrifjutaw li jħallu lill-omm titimgħu. Mifhum li waqt id-diskussjoni taħraq, it-tifel mexa ‘l hinn minn nanntu u spiċċa mtajjar mill-vettura.
//= $special ?>