Il-grupp Iżlamiku Libjan, Ansar al-Sharia, hu isem ġdid fuq il-lista tal-entitajiet terroristiċi tal-Kunsill tas-Sigurta tan-NU.
Il-grupp partikolari, li għandu r-rabtiet mal-moviment Al-Qaida, hu akkużat dwar sehem fl-attakk tal-2012 fuq il-missjoni diplomatika Amerikana f’Benghazi, it-tieni l-aktar belt importanti fil-Libja, fejn inqatlu l-Ambaxxatur Chris Stevens u tliet Amerikani oħra.
Intant, il-Kunsill tas-Sigurta tan-NU impona s-sanzjonijiet fuq l-Ansar al-Sharia li l-estremisti tiegħu, issa, huma suġġetti għal embargo tal-armi. Sanzjonijiet oħra jinkludu l-iffriżar tal-assi, bl-estremisti qed ikunu anki ristretti milli jivvjaġġaw b
ħala parti minn projbizzjoni fuq livell globali.
Is-sanzjonijiet daħlu fis-seħħ fuq talba tar-Renju Unit, Franza u l-Istati Uniti.
Il-miżuri jaffettwaw l-Ansar al-Sharia Benghazi, minbarra s-sieħba tal-grupp mal-Ansar al-Sharia Derna. Iż-żewġ entitajiet terroristiċi għandhom konnessjoni mal-‘Al-Qaida fil-Maghreb Iżlamiku'(AQIM) u movimenti oħra ta’ estremisti vjolenti.
Skont id-dokumenti, numru ta’ ġellieda Iżlamiċi li, fl-2013, kienu attakkaw kumpless tal-gass fl-Alġerija kienu ngħataw it-taħriġ f’Benghazi; bil-militanti tal-fergħa ‘Libjana’ ta’ Ansar jattakkaw ukoll il-qawwiet tas-sigurta fil-Libja, fix-xhur riċenti.

