L-Istati Uniti hi mħassba bl-informazzjoni li ċ-Ċina kapaċi tagħlqilha n-network tad-dawl permezz ta’ attakk speċifiku ċibernetiku.
Mifhum li ċ-Ċina għandha f’idejha software — jew f’dan il-każ, malware — li biha kapaċi tinfiltra u tħarbat is-sistemi tal-kompjuter li jmexxu l-infrastruttura tal-Istati Uniti. L-aċċess illegali għas-sistemi kruċjali għandu — jekk ikun realizzat — jaffettwa direttament il-ħajja normali tal-Amerikani kollha.
L-Ammirall Michael Rogers, il-Kap tal-Aġenzija għas-Sigurta Amerikana u li hu anki l-Kap tal-US Cyber Command, żvela dan kollu waqt diskors lill-House Intelligence Committee tal-Kungress Amerikan
Hu spjega li dawn it-tipi ta’ attakki ċibernetiċi għandhom itellfu l-infrastruttura li tipprovdi s-servizzi importanti liċ-ċittadini tal-Istati Uniti. Skont Rogers, l-attakki jibbażaw fuq tfittxija għall-informazzjoni fejn hemm involuti pajjiżi u entitajiet oħra li jirrikorru għall-mezzi illegali (u anki kriminali) biex jilħqu l-iskopijiet tagħhom.
Rapport riċenti ta’ Mandiant, kumpannija tas-sigurta ċibernetika, sab li l-hackers li qed jaħdmu għall-Gvern Ċiniż kienu kapaċi jippenetraw is-sistemi tal-utilitajiet pubbliċi tal-Amerikani. Dawn is-sistemi jipprovdu kull tip ta’ servizz, mill-ġenerazzjoni tad-dawl saċ-ċirkolazzjoni tal-ilma u l-fuel madwar l-Istati Uniti.
//= $special ?>