Lokali

Aġġornata: L-Iskoċċiż fil-mira tax-xufier ta’ Manwel Mallia meħlus wara aktar minn 30 siegħa, ix-xufier baqa’ ma ġiex arrestat

Wara aktar minn 30 siegħa arrestat għall-interrogazzjoni, Stephen Morrison Smith, il-vittma fl-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, dalgħodu nħeles mill-Pulizija. Madankollu, għadu mhux ċar jekk il-Pulizija hijiex se tressaq lil Morrison Smith quddiem il-Qorti.

Aktar kmieni …
Iċ-ċittadin Skoċċiż Stephen Morrison Smith, li fuq il-karrozza tiegħu kienu sparati tiri mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, sas-sigħat li għaddew kien għadu arrestat. Min-naħa l-oħra, Paul Sheenan, ix-xufier ta’ Manwel Mallia, għadu mhux arrestat minkejja li spara fil-pubbliku.

Jirriżulta li dan il-fatt qed ipoġġi pressjoni fuq il-Ministeru tal-Intern, anke fil-kuntest tal-fatt li l-każ qed ikun segwit mill-qrib mill-Kummissjoni Għolja Ingliża għal Malta. F’dan l-istadju għadu mhux stabbilit x’tip ta’ assistenza legali qed jingħata l-Iskoċċiż Smith u jekk dan hux ikollu d-drittijiet tiegħu garantiti waqt l-arrest.

Dan il-każ mistenni jkollu aktar żviluppi meta jibdew ikunu kkonfermati aktar fatti partikolarment dwar x’wassal lill-Ministeru tal-Intern u lill-Ministru Manwel Mallia biex jibdel il-verżjoni dwar id-direzzjoni li lejha spara Paul Sheenan.

Sadanittant, l-opinjoni pubblika qed tistenna l-eżitu tal-inkjesta li qed issir dwar dan il-każ serju li seta’ kellu konswegwenza gravi għall-fatt li t-tiri sparati mix-xufier ta’ Manwel Mallia laqtu l-vettura tal-Iskoċċiż, tant li waħda minnhom laqtet anki s-saqaf tal-vettura.