Għawdex Lokali

Ritratti: ‘Life boat’ oħra nieqsa minn vapur ieħor tal-Gozo Channel

F’dawn il-jiem dawk kollha li se jużaw is-servizzi tal-Gozo Channel, b’mod partikulari tal-MV Ta’ Pinu u tal-MV Gaudos, se jkunu jistgħu jinnutaw kif dawn iż-żewġ vapuri se jkunu qed ibaħħru mingħajr is-servizz ta’ sigurtà tant importanti – il-life boat li f’każ ta’ emerġenza trid tintuża’ minnufih.

Dan se jkun qed jiġri fid-dawl tal-fatt li Transport Malta jidher li tat parir lill-Gozo Channel biex wara li waħda mil-life boats tal-vapur MV Gaudos tkissret fl-aħħar jiem, is-servizz ikun jista’ jitkompla billi waħda mil-life boats titneħħa minn fuq il-vapur MV Ta’ Pinu u titpoġġa għal-lest fil-Port tal-Imġarr.

Sorsi qrib ħafna tal-kumpanija qalu li ma jistgħux jimmaġinaw min ħareġ b’din l-idea u kif jista’ jkun li vapuri li jkunu qed jaħdmu bi skeda, ippakkjati bil-karozzi u n-nies, ibaħħru b’sogru għax ma jkollhomx il-life boats kollha meħtieġa abbord.

Is-sorsi staqsew ukoll kif Transport Malta waslet biex ħarġet b’parir perikoluż bħal dan, filwaqt li staqsew ukoll jekk finalment dwar xi ħaġa bħal din kenux ikkonsultati wkoll il-Kaptani tal-Gozo Channel, li fl-aħħar mill-aħħar taqa’ fuqhom kull responsabbiltà.