Żewġ ministri tal-Gvern, Helena Dalli u Owen Bonnici, ma qalux liema huma l-34 playing fields fil-lokalitajiet li din is-sena kienu dikjarati mill-awtoritajiet li mhumiex safe, minkejja mistoqsijiet diretti fil-Parlament biex tingħata l-informazzjoni u jiġu ppubblikati r-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet.
Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici għamlet mistoqsijiet fil-Parlament dwar is-sigurtà tal-playing fields fil-lokalitajiet, kemm lill-Ministru Owen Bonnici responsabbli mill-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali; kif ukoll lill-Ministru Helena Dalli, responsabbli mid-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili.
Għal żewġ mistoqsijiet parlamentari li oriġinarjament saru lill-Ministru Helena Dalli, li f’risposta minnhom qalet li l-mistoqsija trid tiġi riferuta lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, il-Ministru Owen Bonnici kien mitlub jgħid liema huma l-playgrounds li nstabu mhux safe matul din is-sena mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, u jgħid f’liema lokalitajiet qegħdin. Paula Mifsud Bonnici talbet ukoll lill-Ministru Bonnici jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet li saru.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li bħalissa għaddejja ħidma bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u s-Segretarjat responsabbli mill-Gvern Lokali fuq dawn ir-rapporti li ħadmet fuqhom l-Awtorità.
Bl-iskuża tas-sensittività ta’ dawn l-investigazzjonijiet, il-Ministru Bonnici qal li kopja tar-rapporti ma tistax tiġi ppubblikata f’dan l-istadju qabel ma ssir l-analiżi meħtieġa.
L-Awtorità ppreżentat ir-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u lill-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-playgrounds jinżammu safe.
//= $special ?>