Il-grupp terroristiku Stat Iżlamiku (ISIS) qed jiċċirkola filmat ġdid fejn l-ostaġġ Britanniku, John Cantlie, jitkellem dwar ‘it-tentattiv fallut’ biex hu jinħeles minn taħt idejn il-militanti Iżlamiċi li okkupaw l-artijiet fl-Iraq u fis-Sirja.
Cantlie ilu priġunier tal-ISIS mill-2012 u, permezz ta’ dan il-filmat, itenni li l-qawwiet Amerikani, fl-4 ta’ Lulju, kienu wettqu missjoni kkumplikata bl-iskop li jeħilsu lilu u ostaġġi oħra (tal-ISIS). Skont Cantlie, f’din il-missjoni ‘kienu intużaw il-commandos u d-drones’, bil-Britanniku jispjega li t-tentattiv ma wassal imkien u li t-terroristi tal-ISIS għadhom kemm ittrasferew l-ostaġġi lejn ħabs ġdid ‘ftit tal-mili ‘l bogħod’.
Fil-filmat, Cantlie jilmenta talli l-Gvern Britanniku ‘ħallieh għal mejjet’ waqt li deher irrabjat ‘ talli ħajtu ma tiswiex imqar minuta ta’ negozjati (mal-ISIS)’. Hu anki qal li hemm il-probabbilta’ li jinqatel mit-terroristi, filwaqt li irrefera għall-ostaġġi li sfaw vittmi tal-ISIS. Iżda Cantlie fl-ebda ħin ma jsemmi lill-ostaġġ Amerikan, Peter Kassig, li l-filmat tal-esekuzzjoni tiegħu taħt idejn terrorista tal-ISIS kien ħareġ fis-16 ta’ Novembru.
//= $special ?>

