Lokali Parlament

Pajjiż maħkum minn partit li jagħmel li jrid għax hu fil-gvern

Il-poplu kif jista’ jħossu komdu b’nies bħal Toni Abela b’sieq waħda fil-Gvern u oħra fil-partit mingħajr ebda distinzjoni bejn gvern u partit

Il-Gvern Laburista mhux qiegħed jagħmel distinzjoni bejn gvern u partit, u l-ħsieb ta’ ħafna li għandna gvern li qed jinqeda bil-partit biex ikun ta’ paraventu għall-Gvern, hu leġittimu.

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg appella fil-Parlament lill-Gvern li r-rwol tan-nies li jaħtar ikun definit u mhux jiswiċċja r-rwoli, għaliex kuljum qed nesperjenzaw pajjiż maħkum minn partit li jagħmel li jrid għax hu fil-gvern.

Antoine Borg qal meta din il-ġimgħa tkellem fil-ħin tal-Aġġornament, li hu minnu li l-Labour rebaħ il-Gvern b’maġġoranza kbira, iżda hu veru wkoll li dan il-Gvern hu karatterizzat minn attitudni li ma jagħmilx differenza u distinzjoni bejn Gvern u partit.

Karatteristika oħra hi li l-Gvern qed iżommna li nkunu sajmin mill-informazzjoni u ma jirrispondix għal għemilu u għall-għemil tal-esponenti tiegħu.

Semma kif id-Deputat Laburista Toni Abela, u konsulent ukoll tal-Gvern Laburista, mar delegazzjoni tal-Partit Laburista fiċ-Ċina, u minkejja l-mistoqsijiet li jqumu għaliex iċ-Ċina, fost it-temi diskussi kien hemm suġġetti ta’ interess nazzjonali, fosthom il-presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017.

Antoine Borg qal li hu jifhem li x-xogħol tal-Gvern mhux dak tal-partit, iżda staqsa jekk il-Gvern jifhimx li x-xogħol tal-Gvern hu distint minn dak tal-partit.

Kieku jifhem dan, staqsa Antoine Borg, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista ikun appuntat bħala konsulent fil-Kabinet?
Staqsa wkoll għaliex uffiċjal tal-partit li hu fil-Gvern, hu wkoll konsulent fil-Kabinett tal-istess Gvern. Dan il-fattur jistona mat-tweġiba li ta l-Viċi Prim Ministru meta Toni Abela hu daqstant ħaġa waħda fil-partit u fil-gvern.

Eżempju ieħor tal-attitudni tal-Gvern li ma jagħmilx distinzjoni bejn Gvern u partit, qal id-Deputat Nazzjonalista, hu d-deċiżjoni tal-Gvern li fiha rajna kif il-Prim Ministru waqqa’ kawża kontra l-Partit tiegħu stess dwar il-proprjetà tal-Australia Hall. Semma wkoll l-eżempju tal-proġett tal-junction tal-Marsa li l-Gvern qed jaħseb ukoll li jaġevola l-proprjetà tal-Partit Laburista.

Staqsa kif il-poplu jista’ jserraħ moħħu meta quddiemu għandu Gvern li ma jagħmel ebda distinzjoni bejn gvern u partit u kif il-poplu jista’ jħossu komdu b’nies bħal Toni Abela b’sieq waħda fil-Gvern, u sieq oħra fil-partit.