Lokali

PN: Manuel Mallia ma jitwemminx

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista (PN), qal li l-Ministru Manuel Mallia ma jistax jibqa’ jitwemmen u li hu għadu qed jiprova jiżloq mir-responsabbilità tiegħu.

Il-poplu Malti u Għawdxi m’għandux bżonn inkjesta maġisterjali biex ikun jaf li l-Ministru Mallia gideb u prova jagħmel cover-up. Il-verità tant hi ċara għal kulħadd li anke l-istess Mallia kellu jammettiha. Iżda issa huwa tard wisq għax il-gidba laħqet saret.

Mallia għandu wkoll jerfa’ r-responsabbilità politika talli x-xufier tiegħu uża vjolenza eċċessiva meta spara tiri lejn karozza oħra b’persuna fiha, meta qatt ma kellu jagħmel dan.

Muscat m’għandux triq oħra ħlief li jneħħi lil Mallia minn Ministru. Jekk jibqa’ jiddefendih ikompli juri d-djufija tiegħu quddiem l-abbuż tal-poter.